Futbol Sport

Clarence Seedorf jinħatar kowċ nazzjonali tal-Kamerun

Clarence Seedorf inħatar kowċ nazzjonali tal-Kamerun wara li l-ftehim ma’ Sven-Goran Eriksson naqas li jingħalaq. Seedorf li fil-karriera tiegħu lagħab ma’ timijiet bħal Real Madrid, Ajax, Inter u Milan se jkun assistit mill-eks internazzjonali Olandiż Patrick Kluivert.

It-tul tal-kuntratt ta’ Seedorf se jitħabbar aktar tard dan ix-xahar. Seedorf li għandu 42 sena fil-passat mexxa lil Milan liċ-Ċiniżi Shenzhen u Deportivo La Coruna. Hu naqas li jdum aktar minn sitt xhur fit-tliet karigi.

Seedorf se jieħu post Hugo Broos u tal-anqas għandu sena biex jaħdem mat-tim nazzjonali tal-Kamerun qabel it-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani tas-sena d-dieħla li se ssir f’pajjiżhom.