Sport Waterpolo

Draw ġust f’logħba ta’ żewġ faċċati

(Ritratt: Domenic Aquilina)

SLIEMA FRANK SALT…………….. 9

NEPTUNES LEO VEGAS………….. 9

(4-3), (3-2), (0-2), (2-2)

Gowl ftit anqas minn żewġ minuti għat-tmiem salva punt lil Sliema Frank Salt f’logħba bilanċjata kontra Neptunes Leo Vegas. Sliema kellhom bidu tajjeb u dehru li setgħu jiksbu t-tieni rebħa tal-kampjonat fuq Neptunes, iżda t-tim ta’ Jovan Popovic kellu reazzjoni tajba wara t-tieni sessjoni u saħansitra mar minn fuq.

Logħba tattika wkoll għal diversi plejers b’Jordan Camilleri jkollu markament tajjeb fuq Christian Presciutti filwaqt li Jerome Gabarretta seta’ kien aktar effettiv fis-centre, l-istess bħal Jeremy Abela.

Bidu tajjeb minn Sliema li ħadu vantaġġ doppju minn Mark Meli u Michael Spiteri Staines. Minkejja dan il-bidu ħażin, Neptunes irnexxielhom jagħmlu l-iskor 3-3 b’doppjetta ta’ Stevie Camilleri u Petar Muslim, iżda gowl tipiku ta’ Nicholas Bugelli mix-xellug daħħal lis-Slimiżi 4-3 minn fuq.

Sliema rnexxielhom itemmu t-tieni sessjoni 7-5 minn fuq, hekk kif minkejja li Neptunes naqqsu d-distakk għal gowl f’żewġ okkażjonijiet, kien Michael Spiteri Staines li skorja s-seba’ gowl ta’ Sliema.

Iżda wara l-mistrieħ, Neptunes ħarġu aħjar, b’Sliema jonqsu li jkunu kattivi quddiem il-lasta. Gabriel Pace naqqas id-distakk u x-xellugi żagħżugħ Nikolai Zammit ġab id-draw mill-pożizzjoni tipika tiegħu.

Sliema setgħu marru minn fuq fl-aħħar sessjoni meta fil-bidu ngħataw penalty, fawl li kien it-tielet wieħed ta’ Niki Lanzon. Iżda Alan Borg Cole salva tajjeb il-penalty ta’ Christian Presciutti.

Matthias Azzopardi poġġa lil Neptunes minn fuq għall-ewwel darba u wara li Jamie Gambin ġab id-draw, Stevie Camilleri deher li seta’ jagħti r-rebħa lil Neptunes. Kellu jkun gowl ta’ Nicholas Bugelli li ġab id-draw, f’xutt li Borg Cole seta’ jagħmel aħjar.

Sliema: J. Sammut, J. Gabarretta, C. Presciutti (2), J. Saliba, M. Meli (1), K. Dowling (1), M. Spiteri Staines (2), D. Fenech, M. Cordina, J. Gambin (1), Z. Mizzi, N. Bugelli (2), Z. Sciberras

Neptunes: A. Borg Cole, N. Lanzon, K. Erdogan, G. Pace (2), P. Muslim (2), N. Zammit (1), S. Camilleri (3), J. Camilleri, J. Abela, M. Zammit, J. Muscat, M. Azzopardi (1), J. Parnis

Referees: Massimo Angileri, Adrian Alecsandrescu

San Ġiljan jaċċertaw fl-aħħar sessjoni

SAN ĠILJAN TUM INVEST…….. 15

VALLETTA VIDEOSLOTS……….. 9

(3-2), (2-2), (4-3), (6-2)

San Ġiljan TUM Invest baqgħu waħedhom fil-quċċata tal-klassifika iżda tħabtu aktar milli mistenni biex għelbu lil Valletta Videoslots. Id-distakk finali jista’ jindika li kienet rebħa komda, iżda kien biss fl-aħħar sessjoni li San Ġiljan iddominaw.

Marko Orlovic żgur li ma kienx kuntent kif kienet id-difiża f’xi ħinijiet tal-logħba filwaqt li f’mumenti minnhom bejn it-tieni u t-tielet sessjoni fallew diversi okkażjonijiet ta’ skor.

Valletta kellhom prestazzjoni tajba, b’Marton Toth imexxi lit-tim fl-ilma. Huma baqgħu fil-logħba sa kważi t-tielet sessjoni kollha iżda n-nuqqas ta’ okkażjonijiet f’ħinijiet fejn setgħu jmorru minn fuq, spiċċaw biex kienu determinanti.

San Ġiljan ikkanċellaw il-gowl kmieni ta’ Michele Mifsud bi tliet gowls, sakemm Daniel Paolella naqqas id-distakk għal gowl lejn tmiem l-ewwel sessjoni. Fit-tieni sessjoni, San Ġiljan pruvaw ikabbru d-distakk iżda fid-darbtejn li skorja Paul Fava, Valletta wieġbu biex id-distakk baqa’ ta’ gowl.

Ħafna bdew jaħsbu li mal-gowl ta’ Paulo Obradovic, San Ġiljan kienu se jiġru bil-logħba iżda dan ma kienx il-każ, b’Valletta saħansitra jġibu d-draw u wara li Ben Plumpton għamilhom 7-6, James Spiteri Staines reġa’ ġab id-draw.

Kien man-up mogħti veloċi ta’ Matthew Zammit u gowl ta’ Paulo Obradovic qabel tmiem it-tielet sessjoni li witta t-triq għar-rebħa Ġiljaniża. It-tim ta’ Orlovic skorja darbtejn permezz ta’ Obradovic u Zammit biex għalaq il-logħba. San Ġiljan komplew jattakkaw biex temmew il-logħba 15-9.

San Ġiljan: J. Tanti, P. Borg (2), A. Galea, B. Grech, C. Farrugia, M. Zammit (5), B. Plumpton (1), D. Zammit, T. Said, P. Obradovic (3), P. Fava (4), D. Ciantar, T. Micallef

Valletta: R. Sciortino, J. Spiteri Staines (2), A. Agius (1), M. Mifsud (2), T. Agius, R. Mock, D. Paolella (2), M. Toth (1), A. Mifsud, C. Zammit, K. Galea (1), N. Farrugia, M. Lanzon

Referees: Stefan Licari, Alessio Nicolai

Birżebbuġa jsofru l-ewwel telfa

MARSAXLOKK BROWN’S………. 7

BIRŻEBBUĠA FREEPORT………. 6

(0-1), (3-3), (3-1), (1-1)

Il-mixja ta’ rebħiet konsekuttivi ta’ Birżebbuġa Freeport fil-kampjonat waqfet għal ħames logħbiet hekk kif kienu megħluba 7-6 minn Marsaxlokk Brown’s.

Birżebbuġa rebħu l-ewwel sessjoni 1-0 b’gowl ta’ Sergi Mora. Huma saħansitra marru 2-0 fit-tieni sessjoni permezz ta’ Max Borg, iżda Clyde Bonello u Michael Rizzo ġabu d-draw.

David Pace Lupi u Sergi Mora reġgħu taw vantaġġ doppju lit-tim ta’ Marco Risso. Claudio Spiteri Debarro beda r-rimonta ta’ Marsaxlokk fit-tieni sessjoni meta għamel l-iskor 4-3.

Norbert Hosnyanszky u Kayne Lanzon poġġew lil Marsaxlokk għall-ewwel darba minn fuq u wara li Mikhael Cutajar ġab id-draw, reġa’ kien is-centre Claudio Spiteri Debarro li ħalla lit-tim tiegħu gowl minn fuq.

Kayne Lanzon skorja gowl importanti li bih ta vantaġġ ta’ żewġ gowls li Marsaxlokk għall-ewwel darba, vantaġġ li kkontrollawh, bit-tim ta’ Birżebbuġa jiskorja permezz ta’ David Cutajar iżda ma rnexxilux isalva l-logħba.

Marsaxlokk: R. Coleiro, C. Spiteri Debarro (2), L. Calleja, C. Bonello (1), C. Gialanze, N. Hosnyanszky (1), S. Meli, M. Rizzo (1), B. Buhagiar, M. Pace, O. Zammit, J. Galea, K. Lanzon (2)

Birżebbuġa: D. Abela, M. Borg (1), N. Cassar, D. Pace Lupi (1), S. Mora (2), J. Rizzo Naudi, S. Vassallo, D. Cutajar (1), S. Micallef, M. Cutajar (1), K. Rizzo Naudi, J. Zerafa Gregory, D. Spiteri

Referees: Adrian Alecsandrescu, Ronnie Spiteri