Rijmpa Jella 22 sena, jaħdem fis-settur tal-gaming, imwieled fl-Olanda imma residenti f’Santa Venera tressaq il-Qorti akkużat bil-qtil ta’ Shannon Mak ta’ 30 sena.
Fil-preżenza tal-ġenituri tal-vittma li ġew dritt mill-Olanda, l-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, bil-Prosekuzzjoni topponi minħabba li għad hemm xhieda li għad iridu jixhdu kif ukoll minħabba l-gravita’ tal-każ. Id-difiża argumentat li Jelle għandu indirizz fiss u impjieg f’Malta u barraminhekk, hu wkoll ċittadin tal-Unjoni Ewropea u għaldaqstant m’hemmx il-periklu li ma jinġiebx lura Malta.
L-Avukat Stefano Filletti, li qed jidher parte civile, fakkar li n-natura tar-reat – qtil premeditat u vjolenti – jattira l-massimu tal-piena , li hija għomor il-ħabs u għal dan ir-raġuni, hemm periklu serju li l-akkużat jipprovat jaħrab jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-gravita tar-reat li jinsab akkużat bih u minħabba l-istadju bikri tal-proċeduri. Għaldaqstant, Jelle se jinżamm fil-Ħabs ta’ Kordin.
L-Ispetturi Kurt Zahra u Robert Vella mexxew il-Prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukat tal-Għajnuna Legali Leontine Calleja dehret għall-akkużat. L-Avukat Stefano Filletti qed jidher parte civile għall-familja tal-vittma.
Ritratti: Martin Agius; Filmat: Keith Mizzi
//= $special ?>