Ambjent Lokali

Il-Kunsill tal-Għargħur kontra inċineratur fin-Naxxar

Il-Kunsill Lokali tal-Għargħur iddikjara li fil-prinċipju ma jaqbilx li jsir inċineratur fiż-żona tal-Magħtab fin-Naxxar.

Il-Kunsill iddikjara dan fi stqarrija li fih qal li jemmen li jekk l-inċineratur isir hemmhekk, jista’ jaffettwa ħażin il-kwalità tal-arja fil-lokalità tal-Għargħur.

Il-Kunsill Lokali tal-Għargħur wasal għal din il-pożizzjoni wara laqgħa li kellu mal-Ministru tal-Ambjent Josè Herrera u ma’ esperti tekniċi f’dan il-qasam.

L-istqarrija żżid li l-Kunsill se jkompli jsegwi, u kif il-proġett jasal għal fażi ta’ konsultazzjoni se jsemma’ l-opinjoni tiegħu. Il-Kunsill temm jgħid li waqt il-proċess ta’ applikazzjoni għall-permess meħtieġ, il-Kunsill se jkun qed jaħtar rappreżentant fuq il-bord ħalli jekk ikun hemm bżonn, joġġezzjona.

Il-pożizzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Għargħur tiżdied ma’ pożizzjoni simili li ttieħdet mill-Kunsill Lokali tan-Naxxar meta talab li jkollu aktar tagħrif dwar l-inċineratur li hu propost li jsir fil-Magħtab.

F’laqgħa li saret mal-Ministru tal-Ambjent Josè Herrera, ma’ uffiċjali u ma’ konsulenti dwar dan is-suġġett, ħareġ li għad hemm bżonn li jsiru aktar studji u jinħarġu aktar dettalji biex ir-residenti jkunu infurmati aħjar dwar dan il-proġett – inċeneratur li l-Gvern hu determinat li jagħmel, kif kien ikkonferma ftit tax-xhur ilu l-Ministru innifsu.

Il-Kunsill Lokali tan-Naxxar appella lill-awtoritajiet biex jibqa’ jiġi kkonsultat ħalli jaċċerta li jsir l-aħjar possibli bl-inqas impatt possibli ta’ ħsara fuq ir-residenti u l-ambjent tal-madwar.

Ftit tax-xhur ilu diversi għaqdiet bdew isostnu illi jekk il-proġett tal-inċeneratur ikun implimentat f’Malta dan jista’ jżid l-ammont ta’ skart ġenerat f’pajjiżna. Friends of the Earth Malta kienu saħansitra rreferew għall-kriżi tal-iskart bħala “dilemma nazzjonali”.

Minkejja li l-inċeneraturi moderni llum saru jillimitaw ħafna l-emissjonijiet tossiċi fl-arja, imkien fid-dinja ma jeżisti inċeneratur li jaħraq il-plastik mingħajr ma jagħmel ħsara lis-saħħa tal-bniedem. Kien għalhekk li gvernijiet Nazzjonalisti qatt ma ċedew għal din l-isfida u minflok introduċew il-liġijiet u l-infrastruttura kollha meħtieġa biex il-plastik, u skart ieħor, jiġi riċiklat.

Iżda l-Gvern ta’ Joseph Muscat falla fil-miri ta’ riċiklaġġ stabbiliti minn gvernijiet ta’ qablu u issa huwa kkonfermat li Malta mhux se tilħaq il-miri tal-UE li jitnaqqas l-iskart sal-2020. Kawża ta’ dan, Malta se teħel multi kuljum għaliex ma lħaqniex dawn il-miri.