Paris Saint-Germain rebħu s-Super Cup Franċiża b’rebħa ta’ 4-0 fuq Monaco f’logħba li ntlagħbet f’Shenzhen fiċ-Ċina u li fetħet l-istaġun tal-futbol fi Franza. Din kienet is-sitt darba li ċ-champions Franċiżi rebħu dan l-unur, biex laħqu r-rekord ta’ Olympique Lyon li kienu rebħu din il-finali mill-2002 sal-2007.
Din kienet it-tieni logħba konsekuttiva tat-Trophee des Champions bejn PSG u Monaco, b’PSG jirbħu 2-1 sena ilu. Dan kien l-aqwa mod kif Thomas Tuchel seta’ jiddebutta ma’ PSG, speċjalment minħabba li l-eks kowċ ta’ Borussia Dortmund kien mingħajr diversi plejers regolari.
Kylian Mbappe għadu bil-vaganzi wara t-Tazza tad-Dinja, Edinson Cavani għadu imweġġa’ filwaqt li Neymar kien biss fuq il-bank tas-sostituti. Monaco kellhom nieqes lil Radamel Falcao. Il-gowlkiper ta’ 40 sena Gianluigi Buffon għamel id-debutt uffiċjali, filwaqt li Weah, Nkunku u Di Maria ffurmaw l-attakk.
Angel di Maria fetaħ l-iskor fit-33 minuta bi free-kick dirett li ma tax ċans lil Diego Benaglio. PSG irduppjaw seba’ minuti wara meta Christopher Nkunku kompla għal ġewwa mill-viċin wara kross mix-xellug ta’ Stanley N’Soki.Iċ-champions Franċiżi għalqu l-logħba b’assist ieħor ta’ N’Soki din id-darba lejn Timothy Weah li b’xutt mill-ewwel fil-baxx għadda l-ballun taħt saqajn Benaglio. Qabel ma ntemmet il-partita, kien għad fadal ħin għar-raba’ gowl li reġa’ kien skorjat minn Angel di Maria, din id-darba b’xutt fil-baxx.
//= $special ?>