Internazzjonali

Eżerċizzji militari mill-Iran fost it-tensjoni mal-Istati Uniti

Il-Gwardjani Rivoluzzjonarji tal-Iran ikkonfermaw li huma, fl-aħħar jiem, organizzaw l-eżerċizzji tal-gwerra fil-Golf, bil-għan li ‘jikkonfrontaw it-theddid potenzjali tal-avversarji’. Dan wara li Uffiċjali Amerikani, il-ġimgħa l-oħra, tennew is-suspetti li l-Iranjani kienu ‘mexxew ‘il quddiem’ l-eżerċizzji navali (fil-Golf) fi żmien ta’ tensjoni akuta bejn Tehran u l-Istati Uniti.

Intant, il-Gwardjani Iranjani qalu li l-attività kienet intiża biex tissalvagwarja s-sigurtà fir-rotta tal-baħar speċifika u bħala parti mill-programm annwali tal-eżerċizzji. Jidher ukoll li l-attività estendiet għaz-zona ta’ Hormuz, ir-rotta tal-baħar strateġika għall-kunsinni taż-żejt, u li l-Gwardja Rivoluzzjonarja kienet qed thedded li tagħlaq.

Il-kmandanti tal-Gwardjani Iranjani esprimew ‘sodisfazzjon għas-suċċess tal-eżerċizzji’, b’uffiċjali Amerikani ma jeskludux li fihom kien hemm involuti ‘il fuq minn 100 opra tal-baħar. Fl-istess ħin, l-eżerċizzji dehru intenzjonati bħala ‘messaġġ’ lill-Istati Uniti li min-naħa tagħha intensifikat il-pressjoni diplomatika u ekonomika fuq ir-reġim f’Tehran.

Il-Mexxej Suprem tal-Iran, l-Ayatollah Ali Khamenei, ix-xahar li għadda appoġġja s-suġġeriment tal-President Iranjan, Hassan Rouhani fis-sens li l-Iran jista’ jimblokka l-esportazzjoni taż-żejt mill-Golf, f’każ li jitwaqqfu l-esportazzjonijiet ta’ pajjiżu.

It-theddida indikata ta’ Rouhani biex iħarbat il-kunsinni taż-żejt mill-pajjiżi ġirien tal-Iran tidher li kienet reazzjoni għad-deċiżjoni tal-President Amerikan, Donald Trump, biex jirtira mill-ftehim internazzjonali dwar il-programm nukleari tal-Iran, filwaqt li jerġa’ jimponi s-sanzjonijiet fuq Tehran.

L-Iranjani huma wkoll urtati għall-isforzi ta’ Washington biex jipperswadi lill-pajjiżi kollha biex ma jixtrux iż-żejt mill-Iran.