Malta dis-sena s’issa rreġistrat ħames każijiet ta’ ħosba impurtati fuq adulti li kienu barra minn pajjiżna, ċifra li qed tinkwieta lil ħafna hekk kif din il-virus reġa’ feġġ fl-Ewropa.
NetNews iltaqa’ mat-tabib Mario Rizzo Naudi fejn fost l-oħrajn qalilna li l-ħosba tittieħed faċli, l-aktar permezz tal-bżieq. Huwa qal li anki minn sempliċi diskussjoni din tista’ tittieħed. Din tinxtered l-aktar jekk int ma tkunx imlaqqam għaliha.
L-aktar persuni f’riskju tal-marda huma t-tfal minn età żgħira sa dik ta’ ħames snin u kif ukoll l-anzjani.
X’inhuma s-sintomi tal-ħosba?
Il-virus tal-ħosba jaf ikun ta’ periklu, u mhux ftit. Is-sintomi, huwa li taf itella’ ħafna bili f’sidrek u kif ukoll ikollok id-deni, li ma jkunx ftit, iżda kif jgħid il-Malti, ikollok deni ta’ żiemel. Il-moħħ jaf jiġi infettat b’xi materja, b’dan iħalli ħafna reperkussjonijiet anki jekk il-materja titlaq. B’kawża tal-ħosba taf titlef id-dawl t’għajnejk, jew ma tibqax tara minn għajn waħda.
It-tabib Rizzo Naudi qalilna li fl-aħħar snin kompliet issir ir-riċerka fuq il-ħosba u kien hemm tħassib u tama biex sal-2020 din il-marda t’għeb b’madwar 85% sa 90% fid-dinja. Madankollu l-aħbarjiet riċenti dinjiji, akkost dan l-isforz, qisha qed issir xi ħaġa impossibli biex dan iseħħ.
Mistoqsi liema huma l-aktar persuni vulnerabbli quddiem il-ħosba huwa wieġeb li l-aktar persuni f’riskju tal-marda huma t-tfal minn età żgħira sa dik ta’ ħames snin u kif ukoll l-anzjani.
Kif mill-ġdid tfaċċat f’pajjiżna?
It-tabib qalilna li din il-marda jista’ jkun inxterdet minħabba numru ta’ nies li qed jiġu f’pajjiżna mil-Lvant tal-Ewropa, u li dawn ma jkunu tlaqqmu kontra din il-marda. Huwa qal li wkoll l-istess impatt jaf ikollhom persuni li jivjaġġaw lejn Malta u li jkunu ġejjin mill-Afrika ta’ Fuq jew mil-Lvant Nofsani. Huwa saħaq magħna li dawn huma l-mezzi ewlenin ta’ kif jista’ jkun dan il-virus jinstab mill-ġdid fostna.
X’għandu jsir bħala prekawzjoni?
It-tabib Rizzo Naudi qalilna li n-nies għandhom jieħdu l-prekawzjoni meħtieġa, fosthom li dawk li mhumiex imlaqqmin u m’għandhomx evidenza ta’ tilqima li meta kienu iżgħar kellhom ħosba għandhom ikellmu lit-tabib tagħhom biex ikunu mlaqqmin. Huwa qal li jista’ jkun hemm xi biża’mill-ġenituri biex jagħtu t-tilqima lit-tfal, u dan m’għandux ikun.
Huwa qalilna li mit-tilqim m’hemmx daqstant periklu u li hija sikura iżda f’xi ċirkustanzi jista’ jkun li t-tilqima tkun qisha m’għamlitx effett. Dan ifisser li l-imunità tiegħu ma tkunx ħadet. Hawn it-tabib qal li tajjeb li wieħed jagħmel xi testijiet biex jara jekk il-vaċċin ikunx qabel miegħu u jekk ikunx beda jagħmel effett fil-ġisem.
Mario Rizzo Naudi saħaq li bħala prekawzjoni wieħed għandu wkoll jaħsel idejh aktar sikwit, jgħatti ħalqu meta jagħtas jew jisgħol u li adulti jew tfal li jkollhom il-ħosba jibqgħu id-dar biex il-marda ma tinfirix mal-kumplament.
//= $special ?>