Lokali

MCESD: Il-unions mistennija jqajjmu l-kwistjoni taż-żidiet fil-prezz tal-petrol u diesel

L-iktar żidiet riċenti, tal-prezz tal-ħobż u ta’ 5 ċenteżmi fil-prezz tal-petrol u d-diesel, kielu għal kollox iż-żieda ta’ €1.75ċ tal-għoli tal-ħajja li ngħatat fl-aħħar Baġit.

Sostna dan Josef Vella, Kap Eżekuttiv tal-UĦM, Voice of the Workers, b’reazzjoni għaż-żidiet fil-prezz tal-petrol u d-diesel. Hu qal li s-sitwazzjoni qed toħloq inġustizzja mal-ħaddiema li jsofru ż-żidiet fil-prezzijiet biex imbagħad ikollhom jistennew sena biex forsi, jagħmlu tajjeb għaż-żidiet li jkunu ħarġu.

Hu rrefera wkoll għall-appell li għamel il-Viċi Kap tal-PN David Agius sabiex l-MCESD jiltaqa’ biex jiġu diskussi dawn iż-żidiet. Josef Vella qal li l-MCESD se jiltaqa’ t-Tnejn iżda fuq l-aġenda hemm il-Baġit. Madanakollu, il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM qal li l-union se tkun qed tqajjem din il-kwistjoni waqt il-laqgħa.

Josef Vella qal li kull trade union li għandha ħaddiema bħala membri għandha tqajjem is-suġġett tal-għoli tal-prezzijiet li qed jagħfsu fuq il-livell tal-għixien tal-ħaddiema.

Dwar dawn iż-żidiet tkellem ukoll il-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, li fakkar kif dawn jiżdiedu wkoll mas-serq tal-Gvern minn fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li filwaqt li n-nies qed jaraw żidiet fil-prezzijiet, l-aġenzija internazzjonali Standard & Poor’s irrevediet l-isfel ir-rata tas-settur bankarju f’Malta.

Dan fid-dawl li l-Gvern mhux qed jieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn biex jissalvagwardja l-impjiegi fis-settur bankarju u tas-servizzi finanzjarji.