Il-mewġa tas-sħana fil-Portugall (li kważi laħqet livelli rekord) bdiet tonqos xi ftit fl-aħħar sigħat, iżda n-nirien kbar li qabdu tlett ijiem ilu qalb foresta dehru li żammew l-istess livell ta’ intensità. Dan meta mijiet ta’ membri tal-iskwadri għall-emerġenzi kienu qed jagħmlu l-almu biex iġibuhom taħt kontroll, bl-appoġġ ta’ ajruplani u ħelikopters.
Il-mewġa tas-sħana fl-Ewropa kaġunat nixfa u nirien qalb foresta f’numru ta’ pajjiżi — mill-Greċja (fejn, f’Lulju, mietu 91 persuna fost nirien inkontrollabbli) sal-Iżvezja. Intant, fl-aħħar jiem, it-temperaturi telgħu għal kważi 47 grad Celsius f’diversi bnadi tal-Portugall u għalkemm dawn, issa, battew, il-fjammi li ilhom jaqbdu fl-inħawi ta’ Monchique laħqu qerdu art ta’ foresta ekwivalenti ‘għal aktar minn 1,200 grawnd tal-futbol’.
Iz-zona ta’ Monchique hi ddominata bl-għoljiet u tinsab fir-reġjun tal-Algarve li hu popolari mat-turisti.
It-temperaturi f’Lisbona, fi tmiem il-ġimgħa, laħqu rekord ta’ 44 grad Celsius, bit-toroq jispiċċaw vojta min-nies u t-turisti.
//= $special ?>

