Internazzjonali

Il-President tal-Veneżwela isalva minn ‘attakk bid-drones’

Il-President tal-Veneżwela, Nicolas Maduro, qal li rnexxielu jsalva minn attentat fuq ħajtu fejn, allegatament, intużaw id-dones pakkjati bl-isplussivi.

L-allegat attakk seħħ meta Maduro kien qed jitkellem waqt avveniment militari fil-kapitali Caracas, bil-filmati tad-diskors tiegħu juru lill-President qed iħares ‘il fuq, b’għexieren ta’ suldati jiġru ‘il hinn mill-inħawi. Ir-rappori minn Caracas, aktar tard, qalu li talanqas seba’ suldati spiċċaw midruba, bl-awtoritajiet lokali jarrestaw numru ta’ persuni biex jgħinu bl-istħarriġ tal-każ.

Il-Ministru Veneżolan għall-Komunikazzjonijiet Jorge Rodriguez qal li żewġ drones mimlijin bl-isplussivi ‘splodew ftit ‘il fuq minn fejn kien qiegħed il-President’, b’Maduro jikkonferma d-dettalji dwar l-inċident waqt diskors ieħor lill-pajjiż.

Sadanittant, il-President Maduro qed iwaħħal fil-Kolombja għal dan l-attakk, bl-awtoritajiet f’Bogota, min-naħa tagħhom, jiċħdu għall-akkuża bħala waħda bla bażi.

Maduro akkuża wkoll lil ‘elementi fl-Istati Uniti bħala l-instigaturi wara kumplott kontra ħajtu’. Dan waqt li żied li ‘m’għandux dubju li l-President Kolombjan Juan Manuel Santos serva bħala l-ixprun wara l-attakk’.

Intant, il-President tal-Veneżwela, li ilu jakkuża lill-Istati Uniti dwar ‘diversi kumplotti kontra tiegħu’ ma ressaq l-ebda provi li setgħu jissostanzjawlu l-allegazzjonijiet.