Is-Segretarju Britanniku għall-Kummerċ Internazzjonali, Liam Fox, ammetta li qed tikber il-probabbiltà li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea mingħajr ma jilħaq ftehim ekonomiku ma’ Brussell.
Sadanittant, Fox, li hu sostenitur ewlieni tal-Brexit, qed jgħid li ċ-ċansijiet għal din is-sitwazzjoni inkwetanti ( jiġifieri nuqqas ta’ ftehim) huma ta’ ’60-40 favur’, u qiegħed iwaħħal dawn iċ-ċirkustanzi fuq ‘l-intransiġenza’ tal-UE.
Meta kellem lis-Sunday Times ta’ Londra, Liam Fox qal li Michel Barnier, in-negozjatur ewlieni tal-UE dwar il-Brexit, ma aċċettax l-aħħar proposti tal-Gvern Britanniku għall-proċess tal-Brexit sempliċiment ‘għaliex dawn qatt ma kienu implimentati qabel’.
Fl-istess ħin, is-Segretarju Britanniku qed jinsisti li l-Gvern tiegħu għadu xorta fiduċjuż li jista’ jasal għal ftehim sodisfaċenti ma’ Brussell dwar il-Brexit.
Fox kompla li l-UE għandha tiddeċiedi jekk taġixxix fl-aħjar interessi ekonomiċi tal-popli tagħha inkella tippersistix wara politika ‘li hi determinata mill-ossessjoni ta’ Brussell li żżomm mija-fil-mija mar-regoli, akkost ta’ kollox’.
Il-Gvern tar-Renju Unit, fil-preżent, qed jippromwovi l-pjani għall-Brexit li kienu miftehmin waqt laqgħa, jiem ilu, tal-Kabinett f’Chequers (ir-residenza tal-Prim Ministru Britanniku f’Buckinghamshire). Dan meta l-Gvern tal-Prim Ministru Theresa May ressaq il-pjani lill-UE u lill-mexxejja tagħha, fosthom il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, li kellu laqgħat ma’ May proprju nhar il-Ġimgħa.
Fl-istess ħin, Liam Fox qed jesiġi li f’każ li l-Unjoni Ewropea ma togħġobhiex il-proposta, ‘hi għandha tressaq proposta oħra dwar il-Brexit, bl-idea li din tkun aċċettabbli anki għar-Renju Unit.’
//= $special ?>

