L-awtoritajiet fl-Iżvizzera qed jinvestigaw it-tiġrif ta’ ajruplan żgħir fir-reġjun tal-Alpi fost indikazzjonijiet li mietu l-20 persuna li kienu fuqu.
L-ajruplan Junkers JU-52 HB-HOT, tal-linja JU-Air, kien tat-tip ‘vintage’ li kien manifatturat fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. Il-media lokali u l-websajts tal-avvjazzjoni, intant, qablu li ‘ma salva ħadd’ fit-tiġrif li seħħ f’zona lejn il-punent tal-Muntanja ta’ Piz Segnas, fid-distrett ta’ Graubuenden.
Ingħad ukoll li fuq l-ajruplan, dak il-ħin, kien hemm 17-il passiġġier u ekwipaġġ ta’ tlieta, li tnejn minnhom kienu piloti.
L-awtoritajiet ikkonfermaw li l-ajruplan kien qed itir minn Locarno, qrib il-fruntiera fin-nofsinar tal-Iżvizzera, lejn il-bażi tal-JU-Air f’Duebendorf, fi Zurich.
Il-linja tal-ajru inkwistjoni kienet twaqqfet fl-1982 u toffri servizzi ta’ charter u sightseeing minbarra ‘vjaġġi ta’ avventura’.
L-ajruplani Junkers JU-52 tal-linja, fil-fatt, kienu ġew dekummissjonati mill-Qawwiet tal-Ajru Żvizzeri.
Sadanittant, il-linja tal-ajru JU-Air ikkonfermat li qed tissospendi t-titjiriet tagħha kollha hi u tkompli bl-investigazzjoni tat-traġedja.
//= $special ?>

