Lokali

L-FIAU tammetti n-nuqqasijiet tagħha

Il-Financial Intelligence Analysis Unit ammettiet li setgħu għamlu biċċa xogħol aħjar rigward Pilatus Bank.

F’intervista mal-ġurnal The Malta Independent on Sunday l-FIAU insistiet li l-Bank Pilatus kien ta’ sfida partikolari, iżda ammettew li lura fl-2016 kellhom iwettqu superviżjoni ferm aħjar fuqu.

Dan kollu wara li l-investigazzjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea sabet diversi żbalji ġenerali u hekk deskritti bħala sistematiċi fejn kellhom x’jaqsmu d-direttivi tal-FIAU dwar il-ħasil ta’ flus rigward dan il-bank li tant ilu fuq ilsien in-nies.

Minkejja l-eżitu ta’ din l-investigazzjoni, l-FIAU baqgħu jinsistu li m’hemm l-ebda dispjaċir li Pilatus Bank qatt ma ġie sanzjonat.

Fir-rapport l-EBA spjegat li kien hemm tħassib serju dwar in-nuqqas kbir ta dokumentazzjoni li kien hemm l-ewwel darba li uffiċjali tal-FIAU marru jinvestigaw – hekk kif ċertu dokumenti nieqsa lura f’Marzu tal-2016, spuntaw ftit tax-xhur wara.

L-FIAU insistew li fl-ewwel żjara tagħhom fil-bank innotaw li kien hemm nuqqas ta’ dokumentazzjoni dwar kemm għandhom flus il-klijenti, minn fejn ġejjin dawn il-flus u lejn fejn għaddejjin il-flejjes. Dan ifisser li suppost f’dan il-waqt wieħed diġà kellu jqajjem id-dubji u suspetti u jinvestiga.

Sussegwenti għar-rapport tal-EBA, l-FIAU saħqu li fix-xhur li ġejjin ser ikunu qed jaħdmu fuq id-difetti elenkati mill-Awtorità Ewropea. Madanakollu ammettew li setgħu żammew għajn aktar miftuħa fuq il-Bank Pilatus.

Fid-dawl ta’ dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li filwaqt li n-nies qed jaraw żidiet fil-prezzijiet, l-aġenzija internazzjonali Standard & Poor’s irrevediet l-isfel ir-rata tas-settur bankarju f’Malta.
Adrian Delia qal li l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna għandu jġorr ir-responsabbilità politika ta’ dawn in-nuqqasijiet u jirriżenja.

Adrian Delia ddikjara li jekk il-Ministru Scicluna se jibqa’ ma jirriżenjax, din ir-responsabbilità għandu jġorrha l-Prim Ministru għax il-Gvern mhux qed jieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn biex jissalvagwardja l-impjiegi fis-settur bankarju u tas-servizzi finanzjarji.