Futbol Sport

Man City jiftħu s-siparju b’rebħa komda fuq Chelsea

(Ritratt: EPA)

L-attakkant Arġentin Sergio Aguero skorja darbtejn fir-rebħa, 2-0, ta’ Manchester City fuq Chelsea, bis-Citizens jaċċertaw mir-rebħ tal-Community Shield fil-logħba tradizzjonali ta’ Wembley li tiftaħ is-siparju fuq l-istaġun ġdid tal-futbol Ingliż.

Ir-rebħa taċ-champions kienet waħda mistħoqqa, waqt li l-Blues – li din is-sena huma mmexxija mit-Taljan Maurizio Sarri, dehru neqsin ħafna mill-ideat fl-attakk,  tant, li taw xutt wieħed biss fuq il-lasta ta’ City tul id-90 minuta.

Intant, inħass sew in-nuqqas ta’ Eden Hazard fl-attakk ta’ Chelsea, li f’Mejju kienu rebaħu l-FA Cup u li issa qed jittamaw li jpattu għall-wirjiet deludenti tas-sena l-oħra fil-kampjonat.

Min-naħa tagħhom, City – li rebħu t-titlu b’vantaġġ ta’ 19 il-punt fuq Manchester United – niżlu għall-‘curtain raiser’ f’Wembley mingħajr diversi stilel regolari bħal Kevin de Bruyne, Raheem Sterling u David Silva.

Madankollu, it-tim ta’ Pep Guardiola – fejn kien qed jiddebutta l-Alġerin, Riyad Mahrez, xorta kontrollaw il-logħba b’effiċjenza u =irnexxielhom jiksbu t-tielet unur f’sitt xhur, bi ftit li xejn tal-affann.

Sergio Aguero, li għal din il-logħba kien ippreferut minn Gabriel Jesus, żblokka r-riżultat wara biss 13-il minuta, meta, wara azzjoni mibdija minn Phil Foden, irċieva l-ballun f’tarf il-kaxxa u spara fir-rokna tax-xibka għall-200 gowl tiegħu bil-flokk ta’ City.

Chelsea fl-ebda ħin ma wettqu rimonta denja u fit-tieni taqsima City komplew fejn ħallew, b’Aguero, Foden u Bernardo Silva jkunu ta’ uġigħ ta’ ras kontinwa għad-difiża tal-Blues. Fil-fatt, ma kinitx sorpriża meta Aguero, fit-58 minuta, daħal għall-pass ta’ Silva u mill-ġdid għeleb lill-gowlkiper Caballero b’xutt preċiż fil-baxx.

Il-logħba minn dak il-ħin kienet prattikament mitmuma, bis-Citizens jamministraw il-logħba u b’Chelsea  ikomplu jiddiżappuntaw bil-blalen fit-tul lejn l-attakkanti tagħhom li ma ħallew l-ebda riżultat.

Sadanittant, il-veru inkwiet għal Sarri – li hu t-tmien manager ta’ Chelsea għal dawn l-aħħar għaxar snin – jinvolvi l-impenn biex jipperswadi lil diversi plejers regolari ħalli jibqgħu Londra. Minbarra li Hazard ilu jissemma bħala akkwist potenzjali għal Real Madrid ta’ Spanja, iċ-champions Spanjoli qed jidhru anki viċin li jingaġġaw il-gowlkiper tal-Blues, Thibaut Courtois, filwaqt li l-winger Brażiljan ta’ Chelsea, Willian, qiegħed jinteressa lil Manchester United u Barcelona.