Maurizio Sarri se jagħmel id-debutt kompetittiv fit-tmexxija ta’ Chelsea meta llum jilagħbu kontra ċ-champions Manchester City bit-tama li jibda l-istaġun tal-futbol Ingliż b’rebħ ta’ unur. It-Taljan ħa t-tim mingħand il-kompatrijott Antonio Conte x-xahar l-ieħor wara li mexxa lil Napoli għal tliet staġuni, bl-aħħar staġun jagħti sfida denja lil Juventus.
Sarri qal li jinsab ħerqan li jilgħab f’Wembley Stadium għaliex se tkun l-ewwel darba għalih, iżda saħaq li l-logħba hi diffiċli ħafna għalihom. “Irrid nirbaħ għaliex hu importanti li jkollna unur immedjat. Iżda f’dan il-mument tal-istaġun, il-prestazzjoni hi l-aktar ħaġa importanti. Irridu nitjiebu ovvja. Nittama li nara pass ieħor ‘l quddiem mit-tim tiegħi,” qal Sarri.
Il-manager ta’ Manchester City Pep Guardiola qal li qed iħares b’ottimiżmu li jibda rivalità ma’ Sarri u sostna li l-istil tiegħu se jwassal biex jadatta malajr fil-Premier League, wara li hu nnifsu sabha diffiċli jimplimenta l-istil tiegħu fl-ewwel staġun fl-Ingilterra.
“Kuntent li Sarri jinsab hawn fil-Premier League. Se nitgħallem meta nara t-tim tiegħu kull ġimgħa. Rajt tliet logħbiet u jirnexxielu li jġib it-tim kif irid jilgħab hu. Naħseb li se tkun logħba tajba, Chelsea huma dejjem rivali kbar. Antonio kien, Maurizio jkun ukoll. L-istil tiegħu hu perfett għall-futbol Ingliż,” qal Guardiola.
Guardiola se jkollu lil Riyad Mahrez għad-dispożizzjoni minkejja li weġġa’ l-ġimgħa l-oħra. Kevin De Bruyne u Raheem Sterling huma l-uniċi plejers li ma rritornawx mal-grupp wara t-Tazza tad-Dinja, b’Guardiola mistenni jmur fuq il-kundizzjoni fiżika qabel il-kwalità.
Il-midfielder Ingliż Ruben Loftus-Cheek irritorna għat-taħriġ ma’ Chelsea u jista’ jilgħab, filwaqt li Willian irritorna mill-brejk miżjud li kellu. Callum Hudson-Odoi jista’ jilgħab fuq in-naħa xellugija tal-attakk wara li impressjona kontra Arsenal.
Chelsea qed ifittxu li jirbħu l-Community Shield għall-ewwel darba mill-2009 meta dakinhar kienu għelbu lil Manchester United 4-1 bl-għoti tal-penalties. Manchester City rebħu dan l-unur l-aħħar fl-2012 b’rebħa ta’ 3- fuq Chelsea.
Din se tkun it-tielet logħba bejn it-tnejn f’Wembley, b’City jirbħu l-aktar logħba riċenti fl-2013 li kienet semifinali tal-FA Cup. Chelsea se jippruvaw iżommu mat-tradizzjoni hekk kif l-aħħar erba’ edizzjonijiet intrebħu mir-rebbieħa tal-FA Cup.
//= $special ?>