Lokali

Tħassib wara l-kontijiet tal-VGH

Minkejja li Vitals Global Health Care kienu akkwistaw 3 sptarijiet pubbliċi minn taħt ħalq il-poplu Malti għal ewro biss, issa ħareġ li dawn lanqas biss ħallsu l-kontijiet.

Dan hekk kif Steward Health Care System – il-grupp li VGH bejgħ l-isptarijiet u dawwar sold minn fuqhom, sabu kontijiet mhux mħallsa u oħrajn nieqsa.

Dan ikompli jikkonferma li VGH allegatament kellhom problemi ekonomiċi, minkejja li ċ-ċittadini Maltin kemm-il darba kienu ġew assigurati li l-fondi kienu ġejjin minn x’imkien.

Il-Gvern ta’ Joseph Muscat kien provda lil kumpanija li ġiet fdata bit-tmexxija tat-3 sptarijiet pubbliċi, xejn inqas minn €40 miljun  f’salarji u mediċini fost oħrajn għal 21 xahar ta’ tmexxija mifnija bi problemi u nuqqasijiet.

Kien għalhekk li wara li VGH għaddew l-isptarijiet lil Steward HealthCare System, b’nuqqas ta’ informazzjoni, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fetaħ kawża l-Qorti fil-konfront tal-Gvern u VGH. Hu jitlob li l-kuntratt jiġi kanċellat u l-isptarijiet jiġu ritornati lura lill-pubbliku.

Sadattant, fl-aħħar jiem kien konfermat li l-isptar ta’ Għawdex se jkun qed jesperjenza aktar dewmien wara li hemm nuqqas ta’ konsulenti mediċi u tobba.

Il-problema bdiet tippersisti aktar u infatti f’Mejju l-Gvern ħabbar li beda proċess ta’ riklutaġġ għall-isptar t’Għawdex, filwaqt li wkoll konsulenti minn Mater Dei bdew jitilgħu Għawdex fuq bażi ta’ roster. Madankollu s’issa s-sorsi qed jgħidu li l-ebda konsulent jew tabib ma ddaħħal, anzi oppost ta’ dan, it-tobba aktar komplew jonqsu.

F’kuntatt li sar ma’ Steward Health Care ġie kkonfermat li bħalissa qed tbati biex tleħħaq mad-domanda tal-isptar.