Lokali

Xena oħra ta’ raġel rieqed barra

Ritratt li bgħatulna l-qarrejja tagħna juri xena li kull ma jmur qed issir ftit komuni. Fis-Swieqi dalgħodu kien hemm raġel mixħut mal-art, rieqed fuq biċċa drapp.

Persuni li tkellmu magħna qalulna li din il-ħaġa qed tiġri ta’ spiss fil-madwar ta’ fejn ittieħed ir-ritatt.

Ftit tal-jiem ilu statistika ppubblikata mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) qalet li fl-2016 kien hawn 72,000 persuna f’riskju ta’ faqar.

Fil-ġimgħat u x-xhur li għaddew, NET News irraporta diversi stejjer reali ta’ nies li mhux biss qed jgħixu f’riskju ta’ faqar, iżda li saħansitra spiċċaw jgħixu fil-faqar u xi kultant saħansitra mingħajr saqaf fuq rashom.

Statistiċi oħra, anke mill-Eurostat, urew fix-xhur li għaddew li minkejja li l-ekonomija qed tikber, dan it-tkabbir mhux imur fil-bwiet tal-ħaddiema iżda minflok fil-bwiet ta’ setturi żgħar ta’ nies.