Lokali

Xewqa ta’ tifla ta’ 10 snin issir realtà

Evidenti l-eċitament u l-ferħ fuq wiċċ it-tifla hekk kif ix-xewqa tagħha kienet se sseħħ fi ftit minuti.

Tifla ta’ 10 snin ingħatat sorpriża hekk kif seħħet ix-xewqa tagħha li tirċievi s-sagramenti tal-magħmudija u tal-ewwel tqarbina.

It-tifla kien ilha tixtieq li tagħmel dawn is-sagramenti, iżda għal raġunijiet personali qatt ma kien possibbli. Kien għalhekk li l-Fondazzjoni Daqqa t’Id ġagħlitha temmen li sejra l-Knisja bl-ilbies tal-okkażjoni biex tieħu sehem f’reċta.

Hekk kif it-tifla waslet quddiem il-knisja f’karozza akkumpanjata minn ommha, hi dehret tagħmel idha ma’ ħalqha u ssaqsi jekk hux se tirċievi ż-żewġ sagramenti. Fuq wiċċha kien evidenti l-eċitament u ferħ li fl-aħħar ix-xewqa tagħha se sseħħ.

Hi daħlet fil-Knisja akkumpanjata minn grupp idoqqu l-back pipes, li daħħluha sa ħdejn l-artal.

Wara li t-tifla rċiviet is-sagrament tal-Magħmudija, il-Knisja tal-Buon Kunsill, f’Paceville dwiet ċapċipa waħda minn dawk preżenti.

Wieħed mill-organizzaturi ta’ din l-okkażjoni, Charles Saliba qalilna dak li għamlu għal din it-tifla; li kienet ilha sentejn sħaħ tgħid lil tal-familja bix-xewqa tagħha.

Fl-aħħar tal-quddies, it-tifla mxiet lejn il-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca u rringrazzjatha li attendiet għal din l-okkażjoni speċjali għaliha, bl-Eċċellenza tagħha ttiha rigal tal-okkażjoni.

Wara l-quddies, kien organizzat ukoll festin żgħir biex tiċċelebra din l-okkażjoni ma’ qraba u ħbieb.