Lokali

Żieda mhux mistennija fil-prezzijiet tal-petrol u d-diesel

Iż-żieda mhux mistennija mħabbra din il-ġimgħa fil-prezzijiet tal-petrol u d-diesel hi intenzjonata biex taghmel tajjeb għal deals jintnu li għamel il-Gvern biex jimporta l-petrol u d-diesel.

Din iż-żieda qawwija ta’ ħames ċenteżmi fuq kull litru ta’ petrol u diesel li qed jinxtara, għandha l-mira speċifika li twassal lill-Gvern biex ikollu dħul finanzjarju akbar.

Il-messaġġ wara din iż-żieda – meta kemm l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Produzzjoni taż-Żjut (l-OPEC) u anki l-Istati Uniti ħabbru li mhux se jkun hemm żieda fil-fjuwil għal din is-sena u s-sena d-dieħla – hu dirett fis-sens li l-Gvern irid ikabbar id-dħul finanzjarju tiegħu.

Il-prezzijiet għoljin tal-fjuwil f’pajjiżna jolqtu b’mod dirett u negattiv lin-nies – wegħda oħra li l-Gvern Laburista ma żammx mal-poplu Malti u Għawdxi.

Bl-aġġustament mhux mistenni tal-prezzijiet fil-petrol u d-diesel issa l-prezz tal-petrol tela’ minn €1.31ċ il-litru għal €1.36ċ il-litru, waqt li l-prezz tad-diesel żdied minn €1.18ċ għal €1.23ċ il-litru. Il-prezz tal-Petrol Super magħruf bħala E-Power, ukoll żdied u għola b’ħames ċenteżmi minn €1.46ċ għal €1.51ċ kull litru.

Diġà fl-aħħar ġimgħat żdied ukoll il-prezz tad-diesel advance li laqat ħażin lil diversi persuni, b’mod speċjali lill-ħaddiema u lill-industriji li jagħmlu użu minn dan t-tip ta’ diesel, fosthom is-sewwieqa tat-taxis, il-minibuses u oħrajn. Iż-żieda kienet ta’ 13-il ċenteżmu – minn €1.25ċ kull litru għal €1.38ċ kull litru, u dan ukoll sar mingħajr ma l-konsumatur u l-ħaddiema Maltin kienu infurmati minn qabel.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u x-Shadow Minister għall-Enerġija, David Agius qal li din iż-żieda hija sorprendenti għall-aħħar għaliex filwaqt li fix-xena internazzjonali l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel huma stabbli, issa f’daqqa waħda l-Gvern Malti żied dan il-piż ġdid fuq il-poplu Malti u Għawdxi.

David Aguis qal li bir-raġun kollu li bosta jitolbu spjega mingħand il-Gvern dwar x’wasslu għal din iż-żieda, u bir-raġun kollu li wieħed jitħasseb li din iż-żieda hija imposta sempliċiment biex il-Gvern ta’ Joseph Muscat jagħmel tajjeb għal deals jintnu li għamel u anki biex ikabbar id-dħul tiegħu.