Lokali Saħħa

AĠĠORNATA: Carer sospiż mix-xogħol wara li allegatament sawwat anzjan

Il-każ qed ikun investigat mill-Pulizija

Carer fir-Residenza San Vinċenz de Paule ġie sospiż mix-xogħol wara li allegatament sawwat anzjan residenti hemm.

NETnews.com.mt jinsab infurmat li l-Amministrazzjoni ta’ San Vinċenz de Paule saret taf li l-anzjan kien riferut lejn l-Isptar Mater Dei wara li allegatament kien aggredit mill-carer, Charlot Spiteri.

Il-każ seħħ fis-Sala Fatima, bil-carer mhux ħaddiem tar-Residenza, iżda ta’ kumpanija li tipprovdi servizzi ta’ dan it-tip f’San Vinċenz de Paule.

L-informazzjoni li għandna tgħid li meta mistoqsi mill-Amministrazzjoni, Spitieri għall-ewwel wieġeb li ma kien jaf b’xejn. Iżda meta mistoqsi aktar fit-tul, il-carer qal li “laqat” lill-anzjan bil-ġenb tas-sodda, li hu tal-ħadid.

Min-naħa l-oħra, persuni li jafu lil Spiteri qalu li l-anzjan kien se jaqa’ minn fuq is-sodda u li l-carer mhux it-tip li jsawwat lil xi ħadd.

Madankollu, NETnews.com.mt jinsab infurmat li l-anzjan, ta’ 78 sena, kien involut f’argument ma’ Spiteri, bl-argument eskala tant li l-carer ta’ xi daqqiet lill-anzjan. Kawża ta’ dan, l-anzjan kellu jittieħed l-Isptar Mater Dei, fejn kien iċċertifikat li qed isofri minn feriti gravi.

Spiteri ġie sospiż mill-post tax-xogħol sakemm tintemm l-investigazzjoni, li issa tinsab f’idejn il-Pulizija.