Lokali

Aktar qtugħ ta’ dawl f’żoni diversi madwar il-pajjiż

Tissokta l-problema ta’ qtugħ ta’ dawl madwar il-pajjiż, hekk kif anke llejla, numru ta’ persuni għamlu kuntatt ma’ NETnews.com.mt biex jirrappurtaw kif f’dawn il-jiem sħan tas-Sajf qed ibatu minn qtugħ ta’ dawl.

Fil-każ tal-lejla, irriżulta qtugħ fil-provvista għal diversi sigħat f’żoni mill-Imrieħel, Ħaż-Żebbuġ, Ħ’Attard u Ħal Qormi, fost l-oħrajn.

Il-persuni li tkellmu magħna nnutaw b’sarkażmu l-frażi li jħobbu jużaw l-esponenti tal-Gvern, li dan hu “l-aqwa żmien”, meta fil-verità qed jispiċċaw jgħaddu dawn is-sigħat sħan tas-Sajf fis-sħana.

Madankolu, huma spjegaw kif kuntatt telefoniku mal-Enemalta kien inutli, hekk kif ingħataw fit li xejn informazzjoni, filwaqt li oħrajn irrappurtaw li lanqas biss weġibhom ħadd.