Futbol Sport

Arturo Vidal preżentat bħala plejer ta’ Barcelona

(Ritratt: EPA)

Arturo Vidal kien preżentat uffiċjalment bħala plejer ta’ Barcelona wara li ngħaqad magħhom mingħand Bayern Munich fuq kuntratt ta’ tliet snin. L-internazzjonali Ċilen kien rappurtat li jinsab viċin il-klabb Taljan Inter iżda minflok għażel li jilgħab fil-kampjonat Spanjol La Liga.

Fi stqarrija fuq is-sit uffiċjali tal-klabb, Vidal qal li hu kuntent ħafna, jinsab ħerqan li jibda t-taħriġ ma’ sħabu u li jagħmel affarijiet importanti mal-klabb il-ġdid tiegħu. Hu ddeskriva dan it-trasferiment bħala ħolma u jittama li jilħaq il-miri tiegħu.

“Jien qiegħed hawn biex nirbaħ it-trofej kollha disponibbli u se nagħti kollox biex nikseb dan. Jien eċċitat li nilgħab ma’ Messi, Suàrez, Sergio Busquets … kollha huma plejers kbar,” qal Vidal. Il-midfielder ta’ 31 sena se jimla l-vojt tal-Brażiljan Paulinho li ħallu Nou Camp biex jerġa’ jingħaqad mat-tim Ċiniż Guangzhou Evergrande b’self f’Lulju.

Vidal ingħaqad ma’ Bayern Munich mingħand Juventus fl-2015 għal somma qrib il-€35 miljun, plejer li kien akkwistat minn Pep Guardiola. Mat-tim Ġermaniż hu rebaħ tliet darbiet il-Bundesliga u t-Tazza Ġermaniża fl-ewwel staġun tiegħu. Fiż-żmien li lagħab ma’ Juventus hu rebaħ erba’ darbiet is-Serie A, il-Coppa Italia filwaqt li kien finalist tal-UEFA Champions League fl-2015.