Ambjent Lokali

Disa’ Garni salvati mill-pubbliku

It-tniġġis mid-dawl huwa l-kaġun tal-parti l-kbira tal-każi fejn frieħ tal-Garnija jispiċċaw diżorjentati

Din is-sena kienet waħda rekord għall-frieħ tal-Garnija (Yelkouan Shearwater) miġburin mill-pubbliku wara li spiċċaw maqbudin fuq l-art b’total ta’ disa’ Garni rikoverati bejn Ġunju u Lulju, tul il-perjodu meta dawn l-għasafar żgħar iħallu l-bejta biex itiru għall-ewwel darba. It-tim tal-proġett LIFE Arċipelagu Garnija ta’ BirdLife Malta fi stqarrija radd ħajr lil kull min għen biex dawn il-frieħ jingħataw ittieni opportunità.

In-numru għoli ta’ frieħ tal-Garni maqbudin fuq l-art li nġabru minn BirdLife Malta din is-sena jfisser żieda ta’ tnejn meta mqabbel maċ-ċifri tas-sena li għaddiet u dan x’aktarx huwa riżultat tal-appell li għamilna lill-pubbliku f’nofs Ġunju biex jassisti frieħ tal-għasafar tal-baħar li jispiċċaw diżorjentati matul l-istaġun meta jkunu se jtiru għall-ewwel darba. Tul dan il-perjodu, dawn l-għasafar żgħar iħallu l-bejtiet tagħhom fl-irdumijiet matul il-lejl għall-ewwel darba imma d-dwal qawwija mal-kosta jfixkluhom u minflok itiru ’l barra fuq il-baħar uħud minnhom jispiċċaw maqbudin fuq l-art, u jsibu diffikultà biex itiru lura lejn il-baħar.

F’każi bħal dawn, l-għasafar jiġu eżaminati minn veterinarju għal xi ġrieħi li jista’ jkun li jkunu sofrew. Imbagħad jiġu riabilitati u ladarba jkunu b’saħħithom biżżejjed biex itiru, jinħelsu. Mid-disat ifrieħ li rċivejna, tmienja inħelsu b’suċċess f’kolonji tal-Garni madwar Malta. B’xorti ħażina għasfur wieħed ma rnexxilux jgħix kaġun tal-feriti li ġarrab meta spiċċa maqbud fuq l-art f’zona urbana.

Fl-istadju tal-bidu tal-proġett LIFE Arċipelagu Garnija, sar studju dettaljat biex jiġu identifikati l-perikli prinċipali li jiffaċċjaw fuq l-art il-popolazzjonijiet talGarnija li jbejtu fil-Gżejjer Maltin, fosthom it-tniġġis mid-dawl. Dawn it-tip ta’ għasafar huma suxxettibbli li jiġu diżorjentati minħabba d-dwal qawwija fi nħawi żviluppati tul il-kosta, u ż-żgħar tagħhom ikunu vulnerabbli aktar.

L-attività ta’ dawn l-għasafar tal-baħar viċin l-art tiżdied sostanzjalment matul illejl meta jirritornaw lura fil-bejtiet tagħhom mill-vjaġġ li jkunu għamlu fuq ilbaħar biex ifittxu l-ikel. Dawk li jinqabdu fuq l-art jispiċċaw f’riskju ta’ predazzjoni minn qtates, kif ukoll jaħbtu ma’ bini jew karozzi, inkella jsofru telf ta’ ilma mill-ġisem (deyhdration).

Flimkien mal-Light Pollution Awareness Group, Bird Life ħadmu biex janalizzaw il-livelli ta’ tniġġis mid-dawl li jaffettwaw il-kolonji tal-Garnija. Inħawi b’livelli għoljin ħafna ta’ tniġġis mid-dawl huma l-kaġun tal-parti l-kbira tal-każi fejn frieħ tal-Garnija jispiċċaw diżorjentati. Ħafna minn dawn il-każi jseħħu fil-parti tal-kosta bejn San Pawl il-Baħar u l-Qawra, bejn iċ-Ċirkewwa u l-Armier, u fil-Mellieħa.

Matul is-sentejn li ġejjin, it-tim tal-proġett issa se jkun qed jaħdem spalla ma’ spalla mal-kunsilli lokali u mas-sidien tal-lukandi u l-istabbilimenti mal-kosta biex jitnaqqsu u jittaffew kemm jista’ jkun l-effetti tat-tniġġis mid-dawl.

Issa l-qofol tal-perjodu li matulu dawn il-frieħ iħallu l-bejta biex itiru għall-ewwel darba, għadda. Madanakollu, il-Bird Life qed tappella lill-membri tal-pubbliku biex iżommu għajnejhom miftuħin xorta waħda għal għasafar tal-baħar li jistgħu jispiċċaw maqbudin fuq l-art tul ix-xhur li ġejjin hekk kif ikun imiss lill-frieħ taċ-Ċief(Scopoli’s Shearwater) li jibdew iħallu l-bejtiet tagħhom biex itiru għall-ewwel darba lejn l-aħħar ta’ Settembru u matul Ottubru.