Lokali

FILMAT: Il-COLA li jmiss aktarx mhux se tirrifletti ż-żidiet tal-petrol u d-diesel

X'jaħsbu l-imsieħba soċjali dwar iż-żidiet fil-petrol u d-diesel?

Iż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-petrol u d-diesel aktarx mhux se tkun riflessa fiż-żieda għall-għoli tal-ħajja tal-budget li jmiss. Dan ifisser li maż-żieda tal-COLA li jmiss, mhux se jkun hemm żieda partikolari biex tagħmel tajjeb għaż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-petrol u d-diesel.

Ikkonfermaw dan numru ta’ imsieħba soċjali ma’ NET News fi tmiem laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (L-MCESD).

Waqt il-laqgħa, li għaliha attenda wkoll il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, il-UĦM Voice of the Workers qajmet il-kwistjoni tal-prezzijiet tal-petrol u d-diesel.

“Il-Ministru qal li dawn (iż-żidiet fil-prezzijiet tal-petrol u d-diesel) iridu jinqabdu bil-mekkaniżmu tal-COLA. Imma dan ifisser li mhux se jinqabdu bil-mekkaniżmu ta’ din is-sena u l-aġġustament mhux se jsir fil-budget ta’ din is-sena għax iż-żidiet għadhom kemm daħlu f’Lulju,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Josef Vella lil NET News.

Biex iż-żidied fil-prezzijiet tal-oġġetti jkunu riflessi fiż-żieda tal-għoli tal-ħajja, iż-żidiet fil-prezzijiet iridu jinħadmu fuq sena. Dan ifisser li peress li l-petrol u d-diesel għolew issa, trid tgħaddi sena qabel jibdew ijġu miżjuda fil-formula tal-COLA.

“Il-mekkaniżmu jrid jaħdem fuq sena biex tkun tista’ tirriflettih. Allura, jekk il-mekkaniżmu nħalluh jaħdem b’mod normali, iż-żidiet fil-prezzijiet (tal-petrol u d-diesel) se jinqabdu fil-COLA tas-sena d-dieħla u mhux ta’ din is-sena. Imbagħad, l-aġġustament irid jidħol fis-sena 2020,” spjega Josef Vella.

“Taħt ċirkustanzi normali, il-mekkaniżmu hekk jopera. Imma meta qed ngħidu li l-għoli tal-ħobż u l-għoli tal-fuel weħidhom kielu l-€1.75 tal-COLA u l-€1 li ta l-Gvern, allura bilfors li xi ħaġa eċċezzjonali bħal din tirrikjedi intervent eċċezzjonali,” temm jgħid.

Josef Vella, Kap Eżekuttiv UĦM Voice of the Workers

Tkellimna wkoll mas-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) Martin Balzan li nnota li hemm nies fil-faxxa t’isfel li qed igawdu inqas.

“L-impressjoni tiegħi hi li n-nies tal-faxxa t’isfel mhux qed igawdu daqs il-faxex l-oħra. Allura affarijiet żgħar bħall-għoli tal-fuel, li jmorru fuq l-għoli tal-ħajja kollu, jista’ jkun li fuq il-maġġoranza tan-nies ma jkollhomx impatt iżda jkollhom impatt ma’ dawk l-iżjed vulnerabbli,” qal Martin Balzan ma’ NET News.

Martin Balzan, Segretarju Ġenerali tal-MAM

Kumment simili minn Tony Zahra, il-President tal-MHRA, l-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti li mistoqsi minn NET News dwar l-impatt reali fuq in-nies ikkawżat miż-żidiet fil-prezzijiet tal-petrol u d-diesel, qal: “Definittivament li jkun hemm impatt reali, speċjalment għal dawk li d-dħul tagħhom ikun l-inqas fil-pajjiż.”

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson tal-MCESD John Bencini qal li jixtieq jara tibdil fil-mekkaniżmu ta’ kif tinħadem il-COLA. Filwaqt li nnota li għal ħafna snin din baqgħet l-istess, Bencini qal li llum il-ġurnata żdiedu ċertu affarijiet meqjusa bħala essenzjali iżda li huma esklużi mill-formula li bih tinħadem il-COLA. “Naħseb għandu jkun hemm re-vist ta’ kif din tinħadem,” temm jgħid.

Il-President tal-MHRA Tony Zahra