Ambjent Kurżitajiet Lokali

FILMAT: Il-maltempata ħolqot inkwiet għall-bajd tal-fkieren ġewwa l-Ġnejna

Possibbiltà li l-bajd ma jfaqqasx minħabba x-xita li għamlet

Wara li l-gżejjer Maltin ntlaqtu minn maltempata u ħafna xita, il-bajd tal-fkieren fil-bajja tal-Ġnejna, li ilhom jiġu kkonservati u protetti, jinsabu f’possibbilta’ kbira li ma jfaqqsux.

Nature Trust Malta ħadet passi bil-quddiem sabiex il-bajd ikunu protetti mill-maltempata li kienet imbassra li tolqot pajjiżna.

NET News mar il-bajja tal-Ġnejna fejn tkellem ma’ Angelique Lofaro li spjegat il-periklu, u l-miżuri li ttieħdu sabiex jiġu ssalvagwardjati l-bajd tal-fkieren.

Il-bajja tal-Ġnejna għandha saff ta’ tafal li se jkun qed jilgħab parti kbira f’jekk il-bajd tal-fkieren hux se jkun qed isalva jew le. Angelique spjegat ukoll għaliex it-tafal jista’ jkollu effett fatali fuq il-fkieren.

L-inkubazzjoni tal-bajd tal-fkieren idum bejn 50-60 ġurnata. Dawn il-bajd ilhom li tbiedu 40 ġurnata, jiġifieri suppost fadlilhom madwar gimagħtejn sabiex ifaqqsu, dejjem jekk isalvaw. Fl-aħħar fażi tal-inkubazzjoni, il-fkieren ġewwa l-bajd jibdew jiċċaqalqu, b’hekk Nature Trust tkun tista’ tanalizza l-moviment li jindika li jkun wasal biex iseħħ it-tfaqqis.

Il-fkieren, minħabba n-natura, imorru lejn l-iktar dawl qawwi, illi ġeneralment ikun ir-riflessjoni tal-qamar fil-baħar. Pero’ it-tendenza hija li f’pajjiżi industrijali u urbani, id-dawl tal-qamar ma jkunx l-iktar wieħed qawwi. Angelique għamlet appell lill-pubbliku sabiex jikkooperaw f’sitwazzjoni bħal din.

L-aħħar darba li faqqsu l-fkieren f’pajjiżna kien fl-2016, meta f’Golden Bay faqqsu madwar 60 fekruna.