Iċ-Champion Nazzjonali tat-Triathlon attwali Graham Borg kiser ir-rekord nazzjonali Malti, li kien stabilixxa hu stess is-sena l-oħra, fid-distanza tal-Ironman 70.3 (1.9 km għawm, 90 km rota, 21 km ġirja) f’Gdynia, il-Polonja.
Il-Belt tal-Port Baltiku ta’Gdynia ospitat kważi 2,000 atleta. L-għawma, li kważi tħassret ftit jiem qabel it-tellieqa minħabba kundizzjonijiet ħżiena tal-baħar, saret fil-baħar Baltiku, filwaqt li r-rotta ta’ 90 km bir-rota saret fir-reġjun ta’ Kasubia qabel mal-atleti bdew il-ġirja fiċ-ċentru ta’ Gdynia.
Borg spiċċa t-tellieqa ta’113 km f’ħin ta’ erba’ sigħat, 17-il minuta u 27 sekonda b’hekk waqqaf rekord nazzjonali ġdid għal Malta. Borg kien stabilixxa ħin ta’ erba’ sigħat, 21 minuta u 22 sekonda fit-Turkija s-sena li għaddiet.
Għalkemm Borg ma rnexxilux jikseb it-tielet post fuq il-podju għal biss 30 sekonda, hu spiċċa fir-raba’ post min fost 398 atleti fil-kategorija tal-grupp tal-età tiegħu u fid-39 post minn total ta’ 1927 atleta. Il-prestazzjoni ta’ Borg ratu jikkwalifika għall-Kampjonat tad-Dinja tas-sena d-dieħla li ser jsir f’Nizza fi Franza.
“It-tellieqa ta’Gdynia kienet parti mill-preparazzjoni għall-Kampjonat tad-Dinja li se jsiru fl-Afrika t’Isfel. Sa issa kien staġun kompetittiv u twil, iżda minkejja t-tlielaq kollha, ħassejtni b’saħħti fit-tliet dixxiplini.”
L-atleta ta’ Mosta Tri Team qal li l-kundizzjonijiet kienu pjuttost favorevoli ħlief għal xi xita matul il-ġirja u qal li r-rekord hu motivazzjoni biex ikompli jagħti prestazzjonijiet tajbin fit-tlielaq li jmiss.
//= $special ?>