Lokali

Ħaddiema tal-G4S fl-Isptar Mater Dei jibdew iħallsu għall-parkeġġ

Rabja fost l-iskrivani u l-uffiċjali tas-sigurtà tal-kumpanija G4S li jaħdmu fl-Isptar Mater Dei, hekk kif illum daħlet fis-seħħ direttiva li huma se jkunu qed iħallsu għall-parkeġġ pubbliku fl-Isptar.

Uħud mill-ħaddiema milquta, li tkellmu ma’ NETnews.com.mt, fissru r-rabja tagħhom għal din id-deċiżjoni “inġusta” fil-konfront tagħhom. Dan għax spjegaw li minkejja li se jkunu fuq xogħolhom, se jkollhom iħallsu biex jipparkjaw.

Huma qalu li ma tantx għandhom alternattivi oħra ħlief li jipparkjaw barra l-konfini tal-Isptar u jkollhom mixja twila. Hu għalhekk li, aktar u aktar, id-deċiżjoni qed tkun meqjusa bħala waħda inġusta għalihom.

Il-ħaddiema li tkellmu ma’ NETnews.com.mt spjegaw li riċentament intagħżel kuntrattur ġdid għat-tmexxija tal-parkeġġ pubbliku u din l-għażla setgħet wasslet għal din id-deċiżjoni.

Min-naħa l-oħra, jidhru li kienu inutli l-laqgħat li saru bejn l-Amministrazzjoni tal-Isptar Mater Dei u l-GWU, tant li ħafna mill-ħaddiema milquta qed jaħsbuha jbiddlux l-union li tirrappreżentahom.

Finalment, il-ħaddiema li tkellmu magħna tennew l-appell lill-Gvern biex ibiddel din id-deċiżjoni għax qed jemmnu li hi xhieda ċara li l-Gvern mhux jagħti każ tal-problemi tagħhom.

Min-naħa tiegħu, kelliem għas-SĦPN esprima solidarjetà mal-ħaddiema, filwaqt li ngħaqad fl-appell lill-Gvern għas-sens komun b’risq dawk milquta.