Lokali

JGĦODDUHA B’WAĦDA: Vapur iċedi u jegħleb; Ħaddiema jevitaw traġedja bi żbrixx

Ħaddiema tal-manutenzjoni tal-vapuri jistgħu jgħodduha b’waħda wara li vapur li kien qed isir xi xogħol fuqu, ċeda u spiċċa parzjalment maqlub.

Il-bastiment kien f’Baċir Numru 4 bejn l-Isla u Bormla meta l-postuni tal-injam li kienu qed iżommu l-vapur, ċedew – aktarx minħabba t-toqol eċċessiv tal-bastiment.

Il-bastiment, li skont sorsi huwa bastiment tat-tagħbija tal-karozzi, iddaħħal fil-Baċir Numru 4 għat-tiswijiet.

Minn informazzjoni li għandu NET News, sa mhux iktar minn siegħa qabel kien għad hemm il-ħaddiema fuq dan il-bastiment li kienu qed jagħmlu xi xogħlijiet.

Dan ifisser li ġiet evitata traġedja peress li l-inċident seta’ kellu konsegwenzi ferm aktar gravi li kieku l-ħaddiema kienu għadhom fuq il-bastiment fil-ħin li ċeda l-vapur.

Wara l-inċident, fuq il-post marru uffiċjali ta’ Transport Malta li qed jinvestigaw il-każ.