Sport Sport Ieħor

Kolesnikov jispikka b’doppjetta fil-backstroke fil-Kampjonat Ewropew tal-għawm

(Ritratt: EPA)

Iż-żagħżugħ Kliment Kolesnikov irnexxielu jikseb doppjetta fil-50 metru u l-100 metru backstroke, anqas minn ħames ġimgħat wara li kiseb l-istess suċċess iżda fil-Kampjonat Ewropew tal-Juniors. Ir-Russu ta’ 18-il sena kiser ir-rekord tad-dinja s-Sibt fil-50 metru u kiser ir-rekord tiegħu fil-100 metru b’rekord Russu ta’ 52.53 sekonda.

Hu rebaħ ukoll it-tielet midalja tad-deheb f’erbat ijiem ta’ kompetizzjoni wara li kien parti mit-tim Russu fir-relay tal-4×100 freestyle. Biex ikompli jkollu ġurnata brillanti, Kolesnikov kellu għawma aktar veloċi ta’ 52.51 sekonda fil-backstroke fir-relay tal-4×100 medley, minkejja li l-ħin ma jgħoddx għal rekord, bir-Russja tirbaħ il-fidda wara l-Britanniċi mmexxija minn Adam Peaty.

Peaty li għandu r-rekord fil-100 metru breaststroke, ir-rebbieħa tal-50 metru backstroke Georgia Davies, James Guy u Freya Anderson rebħu l-midalja tad-deheb f’rekord Ewropew ta’ 3:40.18.

Kien f’Helsinki fil-bidu ta’ Lulju li Kolesnikov beda jispikka b’ħames midalji tad-deheb fil-Kampjonat Ewropew tal-Juniors iżda l-progress tiegħu kompla jkun spettakolari.

Wara li qata’ 0.42 sekonda mill-ħin li għamel fis-semifinali tal-100 metru l-Ħadd, iż-żagħżugħ li għalaq 18-il sena x-xahar l-ieħor, għeleb lir-Russu Evgeny Rylov, b’distakk ta’ 0.21 sekonda fuq ir-rebbieħ dinji tal-200 metru backstroke.

Ir-Russja kompliet tiddomina fil-pixxina u tellgħet it-total ta’ midalja għal 15 fosthom ħames deheb. Anton Chupkov żied id-deheb fil-200 metru breaststroke mat-titlu dinji, b’rekord Ewropew ta’ 2:06.80.

Malta preżenti fil-Kampjonati Ewropej

Fil-Kampjonat Ewropew tal-għawm, fit-tieni heat tal-200 metru freestyle Matthew Galea temm fis-60 post fil-klassifika ġenerali minn 62 għawwiem. Huwa għamel id-distanza f’2:00.65 biex daħal fl-għaxar post minn daqstant għawwiema. Michael Stafrace ħa sehem fl-ewwel heat fil-50 metru butterfly u spicca fis-sitt post b’ħin ta’ 26.29 sekonda.

Fil-Kampjonat Ewropew tal-Atletika, Ian Grech ħa sehem fi Grupp B tal-Long Jump fejn spiċċa b’qabża ta’ 7.04 metri fejn spiċċa fil-15-il post. F’Ruma fl-azzjoni l-lottatur Gary Giordimaina fil-Kampjonati tal-Lotta Juniors. Wirja tajba minn Giordimaiana kontra Koika ta’ Belarus. Huwa spiċċa fit-13-il post minn 20 lottatur.

Tags