Id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali (l-Animal Welfare), li investiga l-każ tad-debba li kkollassat fit-triq fi tmiem il-ġimgħa, ikkonkluda li f’dan il-każ ma kienx hemm moħqrija tal-annimali. Dan intqal mill-istess Direttorat fi stqarrija.
L-investigazzjoni wriet illi d-debba nstabet f’ċirkostanzi tajbin ta’ saħħa, għajr xi selħiet li rriżultaw minn dan l-inċident. Dawn is-selħiet kienu qegħdin jiġu trattati anka skont il-pariri tal-veterinarji.
Mill-informazzjoni u l-evidenza li raw l-uffiċjali, kif ukoll mill-mod ta’ kif kienet qiegħda tinżamm id-debba, id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali jista’ jikkonkludi li ma saret l-ebda moħqrija fuq l-annimal, imma “l-inċident seta’ ġie kkawżat minn fatturi oħra li mhumiex relatati mal-fatt li d-debba ma kinitx trattata b’mod tajjeb”.
Id-Direttorat jitlob lill-pubbliku biex f’każijiet bħal dawn l-ewwel reazzjoni għandha tkun illi l-persuna ċċempel 1717, dan sabiex l-uffiċjali jkunu infurmati mill-aktar fis possibbli u jkunu jistgħu jibdew jinvestigaw u jassistu fuq il-każ b’mod immedjat.
//= $special ?>