Lokali

Mhux vera li barrani kien se jaħtaf tifel fl-Għadira; Rapporti jgħidu li l-omm ivvintat l-istorja

L-istorja li barrani kien se jaħtaf tifel fl-Għadira hija storja vvintata u mhux minnha. Skont is-sit TVM.com.mt, jidher li l-allegazzjonijiet tal-omm ma ġewx ippruvati.

Kien fl-aħħar ta’ Lulju li għadda li raġel ta’ nazzjonalità barranija kien ġie arrestat wara allegazzjoni li prova jaħtaf tifel mill-bajja tal-Għadira. Ir-raġel kien qed jinżamm minħabba allegazzjonijiet ta’ ħtif u abbuż sesswali fuq tifel li kien qed jilgħab fuq il-bajja.

Imma jirriżulta, skont ir-rapporti fil-media lokali, li mill-investigazzjonijiet li saru sa issa, li l-istorja ġiet ivvintata wara ġlieda li l-Maltin kellhom mal-barrani u t-tfajla tiegħu peress li dawn tal-aħħar ħadulhom il-post tas-soltu.

Skont l-istess rapporti fil-media lokali, social workers li kellmu lit-tifel qalu li t-tifel kellu verżjoni differenti minn tal-omm; u li tobba li tqabbdu ma sabu l-ebda gdim jew sinjali ta’ aggressjoni fuq it-tifel b’kuntlarju għal dak li ġie allegat mill-omm.

Dwar dan il-każ, kienet l-omm li qajmet l-allarm b’messaġġ fuq il-midja soċjali, fejn wissiet lil ġenituri oħra biex iżommu għajnejhom miftuħa u ma jitilqux lit-tfal tagħhom waħidhom wara dak li għaddiet minnu.

Qalet li t-tifel, li għandu ħames snin, telaq minn ħdejn il-ġenituri tiegħu għal ftit ħin biex jaħsel il-ġugarelli tiegħu fil-baħar. Jirriżulta li kien hawn li raġel barrani ħatfu minn wara u poġġielu jdejh fuq fommu biex ma jkunx jista’ jwerżaq.

L-omm kienet iddikjarat ukoll li t-tifel gidem idejn l-akkużat u li kien imnalla li għamel dan hekk kif l-allegat aggressur kien se jipprova jdaħħlu f’tinda li kien hemm fuq il-bajja ftit bogħod minn fejn seħħ il-każ. Jidher li kien hawn li r-raġel telaq lit-tifel u dan ħarab lejn il-ġenituri.

Jidher li fid-dawl tal-investigazzjonijiet li saru sa issa, ma jirriżulta li hemm ebda każ kontra l-barrani tant li mhux se jittieħdu passi fil-konfront tiegħu.