Wara x-xita ta’ Awwissu li affettwat il-Gżejjer Maltin, l-ERA u Nature Trust Malta qed jieħdu
l-miżuri meħtieġa biex jissalvagwardjaw il-bajd tal-fkieren fil-bejta f’din il-Bajja. Il-bieraħ sar sforz biex jinżammu l-kundizzjonijiet xierqa għall-bajd tal-fkieren u t-tfaqqis tagħhom. Fil-fatt, xkejjer tar-ramel ġew imqiegħda madwar l-bejta biex jipproteġu ir-ramel milli jinġarr fiz-zona protetta.
L-ilma tax-xita li żviluppa jista’ jesponi l-bejta, u għalhekk ittieħdu l-miżuri xierqa biex dan ma jiġrix.
Filwaqt li qed jittieħdu l-miżuri kollha biex ikun hemm suċċess ta’ tfaqqis tal-bajd, ta’ min jinnota li l-kwistjoni ewlenija fiż-żona tal-Bajja tal-Ġnejna hi li s-saff ta’ fuq tar-ramel għandu saff ta’ tafal taħtu. Dan is-saff għandu t-tendenza li jżomm l-ilma u b’hekk inaqqas l-ammont ta’ arja li l-fkieren fil-bejta jeħtieġu biex jieħdu n-nifs u jiżviluppaw kif suppost.
Lura fl-2012 seħħet maltempata tas-sajf simili, li wasslet biex ma faqqsux il-bajd fil-bejta.
//= $special ?>