Il-Bank HSBC irrapporta qligħ ta’ €16.2 miljun għall-ewwel sitt xhur tal-2018. Dan fisser tnaqqis ta’ €9.8 miljun jew 38% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mit-tmexxija tal-Bank, fejn kien spjegat li dan it-tnaqqis seħħ kawża tal-impatt kontinwu ta’ rati ta’ imgħax negattivi, kif ukoll l-impatt ta’ azzjonijiet favur l-immaniġġjar tar-riskju meħuda matul l-2017.
Min-naħa l-oħra, il-qligħ attribwibbli lill-azzjonisti ammonta għal €14.3 miljun, li jirriżulta fi qligħ ta’ 4ċ għal kull sehem meta mqabbel ma’ 4.7ċ fl-ewwel nofs tal-2017. Kien spjegat li l-Bord qed jipproponi li jinżamm il-proporzjon tad-dividend kurrenti ta’ 65%, bid-dividend temporanju jitħallas fit-18 ta’ Settembru lill-azzjonisti li jkunu fuq ir-Reġistru tal-Bank fis-17 ta’ Awwissu.
Id-Direttur u Kap Eżekuttiv tal-HSBC Andrew Beane qal li l-Bank hu kburi bil-progress li għamel biex jintlaħqu l-ogħla livell ta’ standards ta’ konformità kontra l-kriminalità finanzjarja. Sostna li hu essenzjali li s-sistema finanzjarja kollha għandha tkun kapaċi turi konformità sħiħa u effettiva mal-istandards tal-Unjoni Ewropea.
Beane qal li l-pjani tal-Bank biex iwassal l-aqwa livell ta’ servizzi lill-konsumatur bl-aktar innovazzjonijiet diġitali ġodda huma ta’ opportunità partikolari. Dan hekk kif il-Bank se jiffoka partikolarment fuqhom fit-tieni nofs tas-sena u lil hinn.
Sal-aħħar ta’ Ġunju li għadda, is-self u l-avvanzi netti lill-klijenti kienu ta’ €3,141 miljun, jew €12 miljun aktar mill-aħħar ta’ Diċembru li għadda. Min-naħa l-oħra, id-depożiti tal-klijenti kienu ta’ €4,832 miljun jew €66 miljun aktar mill-aħħar ta’ Diċembru.
Id-Direttur u Kap Eżekuttiv tal-HSBC irringrazzja partikolarment lill-azzjonisti, lill-impjegati u lill-klijenti kollha għall-fiduċja espressa, f’dik li sejjaħ bħala bidu ta’ fażi ġdida għall-Bank.
//= $special ?>