Lokali

Splużjoni fil-power station tinżamm mistura

L-istorja żvelata dalgħodu mill-ġurnal In-Nazzjon

Għal xi raġuni l-Gvern tul dawn l-aħħar jiem żamm mistura splużjoni li seħħet ġimagħtejn ilu f’waħda mill-magni tal-Power Station tal-BWSC f’Delimara.

L-isplużjoni seħħet f’nofs ġimagħtejn ilu meta waranofsinhar, fil-Magna Numru 3 u kaġun ta’ akkumulazzjoni ta’ volum ta’ gass, seħħet splużjoni qawwija li mhux biss ikkaġunat daħna kbira, imma anki ħoss qawwi li nstema’ minn diversi nħawi.

Fortunatament ħadd mill-ħaddiema li kien hemm fil-binja fejn seħħet l-isplużjoni ma weġġa’, għalkemm il-ħaddiema kellhom xokk fuqhom minħabba l-qawwa tal-isplużjoni li seta’ kellha bilanċ ferm aktar gravi.

Fil-post tal-inċident issejħu wħud mill-uffiċjali tal-power station tal-BWSC u nifhmu li nbeda stħarriġ dwar dak li ġara biex ikun tassew magħruf x’wassal għal dan l-inċident serju li seta’ kellu konsegwenzi gravi.

B’riżultat ta’ dan l-inċident fil-Magna Numru 3 żviluppaw diversi ħsarat li wasslu biex minn dakinhar tal-inċident sal-lum l-istess Magna Numru 3 għadha mhijiex fi stat li tiffunzjona.
Sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon żvelaw magħna li l-inċident inkwistjoni seħħ meta l-Magna Numru 3 kienet wieqfa u beda proċess biex din terġa’ titħaddem. Hekk kif kien qiegħed isir dan, seħħet l-isplużjoni f’kompartament fuq wara tal-istess magna.

Fortunatament ma weġġa’ ħadd, għalkemm mill-ewwel kien evidenti li fil-Magna Numru 3 kien hemm ħsarat estensivi. Fost l-oħrajn jirriżulta li jrid jinbidel apparat (filter) tat-tip SCR.

Mhux magħruf għaliex il-Gvern ma ħareġ l-ebda stqarrija dwar dan l-inċident serju u żamm kollox mistur. Anki t-Tmexxija tal-power station tal-BWSC żammet dan l-inċident mistur.

Invista ta’ dan ix-xenarju, sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon mhux biss staqsew għaliex il-Gvern u l-BWSC żammew mistur dan l-inċident imma qed jistaqsu wkoll kemm hu sikur l-ambjent li fih qed jaħdmu l-ħaddiema assenjati fil-power station ta’ Delimara.