Lokali

Tnejn feruti gravi wara ħabta fil-Mosta

Ritratt: Martin Agius

Żewġ persuni sofrew feriti gravi u tnejn oħra b’feriti ħfief wara inċident tat-traffiku li seħħ ilbieraħ filgħaxija fil-Mosta. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-10pm fi Triq il-Fortizza u fih kienu nvoluti vettura tat-tip Volkswagen u oħra tat-tip Peugeot.

Mhux magħruf x’wassal għall-ħabta bejn iż-żewġ vetturi, waħda misjuqa minn żagħżugħa ta’ 21 sena min-Naxxar u l-oħra misjuqa minn Amerikan ta’ 66 sena residenti Tas-Sliema.

Mal-Amerikan kien hemm ukoll żewġ passiġġieri: Amerikana ta’ 64 sena li wkoll hi residenti Tas-Sliema u anzjana ta’ 85 sena min-Naxxar.

Fil-post kellhom jissejħu wkoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li għenu biex xi persuni setgħu jinħarġu mill-vetturi.

Barra minhekk, tim mediku b’Ambulanzi ħadu lil erba’ persuni l-Isptar għall-kura: lill-Amerikan ta’ 66 sena, lill-anzjana ta’ 85 sena, liż-żagħżugħa ta’ 21 sena u lill-Amerikana ta’ 64 sena, bl-ewwel tnejn kienu ċċertifikati li qed isofru feriti gravi u t-tnejn l-oħra qed isofru feriti ħfief.