Antonio Cassano stqarr li qed ifittex klabb għaliex fi kliemu jinsab fiżikament tajjeb u fieq mill-unika problema li kellu li kienet mentalment. F’intervista mal-ġurnal Taljan Corriere dello Sport, Cassano qal li fi klabbs bħal Bologna, Parma, Torino u Sassuolo jilgħab anki mingħajr ħlas u minkejja li għandu lil Bari f’qalbu, jemmen li hu plejer li għadu jista’ jilgħab fis-Serie A.
“Qed nitħarreġ biex nerġa’ nidħol. Irċevejt ħafna offerti mingħand timijiet tas-Serie A u tas-Serie B, għalissa ma kkonvinċieni ħadd. Ma mmurx fejn tibda li ssalva imma fejn hemm proġett.”
Mistoqsi minħabba l-fatt li ilu wieqaf ħafna, Cassano ġab l-eżempju ta’ Matias Almeyda li rritorna wara sentejn wieqaf u lagħab għal erba’ staġuni oħra. Hu qal li qatt ma weġġa’ u l-unika weġgħa li kellu kienet f’rasu, iżda kkuraha flimkien u għat-tfal tiegħu.
Waqt l-intervista spikkat id-determinazzjoni ta’ Cassano li jirritorna għar-ritmi tas-Serie A. “Issa għandi 82 kilo, rekord assolut. Anqas 20 sena ilu ma nżilt għal 82. Is-solitu nibda l-pre-season b’85 u 86 kilo u nilgħab bi 83 u 84 kilo. Il-verità hi li kelli nisma’ minn dawk li riedu l-ġid tiegħi verament.”
Cassano żied li kieku għamel 50% ta’ dak li qalulu Totti u l-aġent tiegħu Vito Scala kieku jinsab f’livelli għoljin. Il-veteran qal li l-preżent hu magħmul minn taħriġ iebes biex tkun preparat f’każ li jiġi tim mis-Serie A.
Hu kellu kliem ta’ tifħir għal Alessandro Moggi li sablu ħafna skwadri. Hu għamel referenza għal Bologna, Parma, Torino u Sassuolo fejn qal li jmur b’xejn u jitkellmu fl-aħħar tal-istaġun. Cassano saħaq li jekk f’Ġunju li ġej il-klabb ikun sodisfatt jiffirma kuntratt ta’ sentejn oħra u jekk le jirtira u jistudja għal direttur sportiv.
Antonio Cassano tenna li jekk sa Settembru jew Ottubru jkun għadu kif jinsab bħalissa, jiġifieri bla klabb, jinkiteb għal kors ta’ Coverciano għaliex irid jibqa’ fil-futbol.
//= $special ?>