Futbol Sport

Birkirkara jiftħu l-impenji llum kontra Kharkiv

Illum iċ-champions lokali Birkirkara jiftħu l-impenji tagħhom fi Grupp 6 taċ-Champions League tan-nisa b’konfront kontra Kharkiv tal-Ukrajna. Għalihom din se tkun il-ħames parteċipazzjoni fl-akbar kompetizzjoni Ewropea tal-klabbs tan-nisa.

Birkirkara jilagħbu kontra Olimpia Cluj tar-Rumanija fl-10 ta’ Awwissu u jagħlqu l-impenji tagħhom fit-13 ta’ Awwissu kontra Cardiff Met Women F.C.

It-tim Karkariż ħalla pajjiżna lejn l-Ukrajna l-Ħadd b’kontinġent ta’ 29 persuna, bit-tliet logħbiet tal-grupp se jintlagħbu bejn illum u t-13 ta’ Awwissu.

Birkirkara probabbilment kienu l-aktar tim attiv dan is-sajf biex jippreparaw bl-aħjar mod possibbli għal din il-kompetizzjoni. Jispikka fost l-oħrajn it-trasferiment b’self ta’ Ylenia Carabott mingħand Hibernians.

Ann-Marie Said, Jelena Stankovic u Tracy Teuma, tliet plejers li kienu importanti l-istaġun li għadda u ngħaqdu magħhom b’mod permanenti. Huma ffirmaw id-difensur Miriana Conti b’self mingħand Gozo, lill-attakkanta żagħżugħa Kailey Willis iżda minħabba l-età, Willis mhux se tkun tista’ tilgħab.

L-għoxrin plejer għad-dispożizzjoni tal-kowċ Melania Bajada huma:

Gowlkipers: Janice Xuereb, Nina Dimech.

Difensuri: Ann-Marie Said, Jelena Sakic, Mariah Sciberras, Miriana Conti, Nicole Zammit, Samantha Zarb, Stephania Farrugia, Sonia Schembri, Yasmeen Vella.

Midfielders: Alishia Sultana, Gabriella Zahra, Kim Parnis, Raina Giusti, Sarah Urpani, Tracy Teuma.

Attakkanti: Ylenia Carabott, Kelly Agius Pace, Jacqueline Demuth