Internazzjonali

IL-ĠERMANJA: L-ajruport ta’ Frankfurt evawkat wara żball tas-sigurtà

Persuna jidher jaħrab miz-zona ta' sigurta'

L-ajruport ta’ Frankfurt Rehin spiċċa maħkum mill-konfużjoni fost l-evakwazzjoni ta’ passiġġieri minn diversi sezzjonijiet u b’għexieren ta’ titjiriet jisfaw ikkanċellati. Dan wara li familja Franċiża ta’ erba’ għaddiet mis-sigurtà minkejja ‘indikazzjoni pożittiva dwar splussivi’ – u bil-pulizija, wara, tammetti dwar ‘żball ta’ uffiċjal’.

Il-proċess tal-boarding għall-passiġġieri kellu jieqaf fost l-inċertezza waqt li seħħet l-evakwazzjoni parzjali ta’ Terminal 1. Intant, il-familja Franċiża ‘instabet’, u wara li kienet suġġetta għal interrogazzjoni hi tħalliet tkompli bil-vjaġġ.

Sar magħruf wara, li ‘membru tal-familja ma kenitx għaddiet mill-proċess sħiħ tas-sigurtà’ biex tkun tista’ titla’ fuq l-ajruplan. Intant, il-Pulizija Ġermaniża defendew l-evakwazzjoni fejn qalu li huma kellhom ‘jeskludu u jevitaw kull element ta’ periklu’.

Madankollu, il-pulizija ma qalitx x’wassal eżatt ‘għat-test pożittiv’ dwar l-allegati splussivi, b’ħafna passiġġieri fl-ajruport ta’ Frankfurt jiffaċċjaw inkonvenjent kbir wara li tħassru għexieren ta’ titjiriet, bi sriebet twal ta’ nies jiffurmaw fid-departure area.

Il-passiġġieri anki lmentaw dwar ‘il-konfużjoni u nuqqas ta’ informazzjoni’ waqt il-proċess tal-evakwazzjoni u wara. Dan meta xi 1,500 titjira,illum, kellhom jinżlu jew jitilgħu fl-ajruport ta’ Frankfrut, bil-linja tal-ajru Ġermaniża Lufthansa tispiċċa taħdem fuq skeda ta’ titjiriet ġdida hi u taġġorna lill-passiġġieri bl-aħħar żviluppi.