Għadd ikbar mis-soltu ta’ kwiekeb feġġejja jew ħafna jsejħulhom bħala shooting stars, jimlew is-sema tal-gżejjer Maltin fil-jiem ta’ madwar il-festa ta’ San Lawrenz, jum l-10 t’Awwissu.
Il-fenomenu jissejjaħ id-Dmugħ ta’ San Lawrenz. NetNews ħa l-kummenti ta’ Josef Borg, il-President tal-Għaqda Maltija tal-Astronomija, huwa qalilna li dan jiġri bażikament għax id-dinja tgħaddi minn post fl-ispażju li fil-passat kienet għaddiet kometa, ħabba f’hekk meta ngħaddu minn hemm ġebel żgħar li jkunu ġa bdew jinħarqu jidħlu fl-atmosfera tad-dinja u aħna dawn narawhom qishom feġġejja.
Skont it-tradizzjoni, wieħed għandu jagħmel xewqa waqt li jkun għaddej dan l-ispettaklu fis-sema u din issir realtà.
F’diversi partijiet madwar Malta, Maltin u turisti saru jinġabru biex għal ftit sigħat jaraw il-faxxi tad-dawl jixegħlu s-sema.
Din is-sena l-Għaqda Maltija tal-Astronomija se tkun id-Dwejra f’Għawdex biex tara dan il-fenomenu. Se jkunu se jagħmlu xi teleskopji biex in-nies anki jkunu jistgħu jaraw aħjar. L-aħjar ħin biex tara dan kollu huwa wara nofsilejl.
Borg qalilna li l-fenomenu dis-sena se jkun l-aktar viżiv fit-13 ta’ Awwissu filgħodu kmieni, fejn qalilna li kull siegħa kważi jidhru 60 u 80 feġġeja. Huwa qalilna wkoll li dan il-fenomenu se jintwera live fuq Youtube mill-Malta Amateur Radio League.
Postijiet oħra li wkoll id-Dmugħ ta’ San Lawrenz jispikka huma l-Aħrax tal-Mellieħa u kif ukoll Ħad-Dingli qrib l-irdum.
//= $special ?>