Il-Gvern għandu jiċċara minnufih il-fatti dwar il-proċedura li ntużat mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali għat-tmexxija tal-estensjoni ta’ 500 sodda fil-kumpless għall-anzjani ta’ San Vinċenz.
L-Oppożizzjoni tirreferi għall-artiklu li deher fil-midja lokali, liema artiklu jgħid li l-joint venture privat ingħata direct order ta’ €274 miljun mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali sabiex titmexxa estensjoni ta’ 500 sodda li għad trid tibena fil-kumpless għall-anzjani ta’ San Vinċenz u għall-istqarrija maħruġa mis-Segretarjat Parlamentari għall-Persuni b’Dizabilità u Anzjanità Attiva, permezz ta’ liema ġie miċħud kategorikament illi kien hemm direct order f’dan ir-rigward.
L-Oppożizzjoni tinnota li l-istqarrija tas-Segretarjat Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u anzjanità attiva qed tikkontradixxi minn dak illi ġie ppublikat mill-Gvern stess fil-ħarġa tal-Gazzetta tal-Gvern tal-20 ta’ Lulju 2018 fejn ġie ddikjarat illi fid-9 ta’ Novembru 2017 kien ġie approvat direct order referenza SVP943 għall-Management Services of New Hospital Residence (Part of Public Private Partnership) għas-somma ta’ €273,649.698.
Fid-dawl ta’ dak iddikjarat fil-Gazzetta tal-Gvern fuq l-għoti tad-direct order u tal-fatt illi kelliem għall-Ministru tal-Finanzi stqarr li l-Ministeru tal-Finanzi ma kienx approva din id-direct order u kien talab rapport mid-Direttur tal-Kuntratti fuq dak illi kien ġie rrapurtat fil-midja, l-Oppożizzjoni qegħda titlob li, f’ġieħ it-trasparenza u l-governanza tajba, l-Gvern għandu jispega minnufih x’wassal għall-għoti tad-direct order ta’ €273,649 għat-tmexxija tal-estensjoni tal-kumpless tal-anzjani f’San Vinċenz u dan kif ippubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern fil-ħarġa tal-20 ta’ Lulju li għadda w għaliex ma ntalabx il-kunsens tal-Ministeru tal-Finanzi f’dan ir-rigward.
//= $special ?>