Żewġ nirien kbar li qabdu qalb il-foresta ta’ Kaliforna u li huma magħrufin bħala l-Mendocino Complex Fire tant laħqu nferxu li l-awtoritajiet f’dan l-Istat Amerikan qegħdin jirreferu għalihom bħala l-‘akbar u l-aktar wildfire attiv’ fl-istorja ( ta’ Kalifornja).
Il-fjammi minn dawn in-nirien infirxu f’veloċità kbira f’dawn il-jiem u sal-punt fejn inħarqet medda ta’ art li fiha kważi daqs il-belt ta’ Los Angeles. L-iskwadri għall-emerġenza qed jikkumbattu xi 16 il-nirien enormi tul l-Istat ta’ Kalifornja u fejn iffaċċjaw ‘l-ostakoli’ tas-sħana kbira, l-irwiefen u l-umdità baxxa.
Intant, mietu talanqas seba’ persuni b’kaġun ta’ wieħed min-nirien, magħruf bħala l-Carr fire, lejn it-Tramuntana ta’ Kalifornja.
‘Il fuq minn 14,000 firefighter u mijiet ta’ elementi tal-militar Amerikan qed jinvolvu ruħhom fl-impenn enormi lejn il-kontroll ta’ ‘il fuq minn għaxar nirien kbar li qabdu fid-diversi zoni ta’ Kalifornja. Dan waqt li l-meteoroloġisti wissew li l-kundizzjonijiet tas-sħana għandhom jibqgħu konsistenti fil-jiem li ġejjin, fost it-tbassir ta’ temperaturi li jlaħħqu mal-43 gradi Celsius fid-diversi reġjuni.
L-uffiċjali, fl-istess ħin, sostnew li l-qilla tal-Mendocino Complex Fire ( li fiċ-ċirkustanzi huma żewġ nirien qrib ta’ xulxin u li qed ikunu trattati qishom inċident wieħed) għaddiet dik tal-hekk-imsejjaħ Thomas Fire tas-sena li għaddiet. B’hekk, il-fenomenu ‘Mendocino’ ġie ddikjarat bħala l-akbar u l-agħar fl-istorja ta’ Kalifornja.
L-awtoritajiet għall-emerġenzi għadhom iwissu li l-wildfires qed javvanzaw b’ħeffa kbira u li dawn huma ‘mill-aktar aggressivi u perikolużi’. Hu minnu wkoll li l-firefighters laħqu kontrollaw biss sa 30 fil-mija tal-fjammi, bl-awtoritajiet iwissu li, x’aktarx, trid tgħaddi ġimgħa oħra sakemm huma jsiru kmandi tas-sitwazzjoni.
//= $special ?>

