Il-pulizija f’Sulawesi, fl-Indoneżja, ħelsu mara ta’ 28 sena li kienet ilha 15 il-sena kostretta li tgħix bħala priġuniera ġo għar wara li hi spiċċat ‘ikkontrollata’ minn ragħaj li kien ġej mill-istess lokalità.
Ir-ragħaj, li għandu 83 sena, kien ħataf lill-mara meta hi kien għad għandha 13 il-sena u daħħlilha f’moħħha li hi kienet ippussessata minn spirtu ħażin, jew ‘jin’.
Hu allegat li r-ragħaj kien jieħu lill-mara miegħu id-dar diversi drabi fejn spiċċa jabbużaha għal snin — anki fi żmien tfulitha. Intant, hu qed jiffaċċja diversi akkużi, fosthom reati kontra t-tfal.
L-imputat, li jismu Jago, kien magħruf ukoll bħala persuna li kien jispeċjalizza fil-maġija s-sewda u li kellu ‘il-kapaċitajiet biex ifejjaq lin-nies’. Il-pulizija qalet li fl-2003, il-familja tal-mara — dak iż-żmien tifla ta’ 13-il sena – kienu ħaduha għand dan ir-raġel ‘għal trattament’ u li hi ‘baqgħet hemmhekk miegħu’.
Meta hi għabet fl-istess sena, ir-ragħaj kien informa lil familtha li t-tifla kienet marret tfittex ix-xogħol f’Jakarta. Il-qraba kienu damu s-snin jippruvaw isibu lit-tifla iżda hi, eventwalment, kienet iddikjarata nieqsa.
Skont l-aħħar żviluppi, il-pulizija li marru, jiem ilu, fil-villaġġ ta’ Galumpang, fiċ-ċentru ta’ Sulawesi, sabu lill-mara ta’ 28 sena ‘imwerwra waqt li kienet qed tipprova tistaħba fi spazju żgħir wara l-blat ġol-għar’, li hu qrib ir-residenza tal-aggressur tagħha.
Sar magħruf, wara, li l-vittma kienet tibża’ li taħrab jew tiltaqa’ ma’ nies oħra ‘għaliex ħassitha taħt l-iskrutinju kontinwu tal-ispirtu’.
//= $special ?>