Internazzjonali

L-eks Prim Ministru Malasjan qed jiffaċċja akkużi ta’ ħasil tal-flus

L-eks Prim Ministru tal-Malasja, Najib Razak, fis-sigħat li ġejjin, se jitressqulu akkużi dwar ħasil tal-flus b’konnessjoni ma’ skandlu ‘ta’ multi-biljuni ta’ dollari’ li jinvolvi lill-fond tal-Istat, 1Malaysia Development Berhad (1MDB).

Najib u l-familtu ilhom minn Mejju suġġetti għal skrutinju intensiv u wara li Mahathir Mohamad – eks-ħabib ta’ Najib u llum avversarju tiegħu – ħa lura l-poter fil-pajjiż fl-aħħar elezzjoni. Mahathir, li għandu 93 sena, ma damx biex jerġa’ jiftaħ investigazzjoni dwar il-1MDB u fejn ipprojbixxa lil Najib u l-mara tiegħu milli jitilqu mill-Malasja.

Najib, ix-xahar li għadda, kien arrestat u akkużat b’abbuż ta’ poter u bi ksur ta’ fiduċja ( li hu reat kriminali) b’konnessjoni ma’ allegat trasferiment ta’ miljuni ta’ dollari fil-kont bankarju personali min-naħa tal-SRC International, li hi eks-taqsima tal-1MDB.

Najib, li ngħata lura l-libertà fuq garanzija personali, qed jinsisti li mhux ħati mill-akkużi.