Lokali Qorti

Libjan ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li ammetta parteċipazzjoni f’serqa

Libjan ta’ 28 sena ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li ammetta li pparteċipa f’serqa minn appartament fl-2016. Abdulkarim Mohamed El Magtouf tressaq il-Qorti akkużat li ħa sehem f’serqa ta’ ġojjelli u flus kontanti minn appartament fl-Imsida – b’valur totali li jammonta €2,329.37.

Ir-raġel deher quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli fejn ammetta għall-akkużi miġjuba kontrih ta’ parteċipazzjoni fl-attività kriminali – madanakollu stqarr li hu ma seraq xejn.

Il-Maġistrat Audrey Demicoli semgħat kif il-vittmi li nsterqulhom il-ġojjellerija u l-flus m’għadhomx jgħixu Malta, u konsegwentament ma setgħux jagħtu x-xhieda tagħhom. Għaldaqstant, il-Qorti ħadet inkonsiderazzjoni ta’ dan il-fatt u kif ukoll il-fatt li l-Libjan ikkollabora mal-Pulizija matul l-investigazzjoni – u għalhekk il-prosekuzzjoni qalet ukoll li mhux se tkun qed titlob għall-sentenza effettiva ta’ ħabs dan filwaqt li ma oġġezzjonatx għat-talba ta’ ħelsien mill-arrest.

Il-Qorti ordnat li El Magtouf jingħata l-ħelsien mill-arrest, filwaqt li l-akkużat irid jiffirma ta’ kuljum fl-għassa tal-Pulizija f’Birżebbuġa. Dan minbarra li jrid iħallas garanzija personali ta’ €2,000 u ġie ordnat jagħti lill-awtoritajiet il-karta tal-identità u l-passaport.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Jonathan Ransley u Therese Sciberras. Għan-nom tal-akkużat deher l-avukat Ismael Psaila mill-għajnuna legali.