Sport Waterpolo

San Ġiljan ibatu iżda xorta joħorġu rebbieħa

Jake Tanti jipprova jimblokka fuq Christian Presciutti (Ritratt: Matthew Tabone)

SAN ĠILJAN TUM INVEST………… 9

SLIEMA FRANK SALT………………. 8

(2-1), (1-1), (5-4), (2-1)

San Ġiljan TUM Invest assiguraw posthom għas-semifinali tal-play-offs wara li għelbu lil Sliema Frank Salt 9-8 f’waħda mill-isbaħ logħbiet tal-istaġun. Partita li fiha ċ-champions ma kellhomx l-aqwa logħba iżda b’xi mod irnexxielhom jiksbu r-rebħa b’gowl ta’ Ben Plumpton lejn it-tmiem.

Bla dubju li f’logħbiet ta’ dan it-tip, in-nuqqas ta’ Dino Zammit spikka, bil-kowċ Marko Orlovic ikollu jagħmel aktar rotazzjoni filwaqt li centre bħal Peter Borg beda jsibha diffiċli biex jiddefendi.

Għal Sliema spikka bla dubju l-gowlkiper Joseph Sammut li żamm lit-tim fil-logħba diversi drabi speċjalment fit-tieni sessjoni. San Ġiljan qatt ma kienu minn taħt fil-logħba, b’Sliema jġibu d-draw xejn anqas minn ħames darbiet iżda ma rnexxielhomx jiskorjaw il-gowl importanti tar-rebħa.

Matthew Zammit fetaħ l-iskor b’xutt b’saħħtu iżda Jerome Gabarretta ġab id-draw, madankollu kien Paul Fava li għamilhom 2-1. Fit-tieni sessjoni spikka l-gowlkiper Slimiż Joseph Sammut li salva penalty ta’ Matthew Zammit kif ukoll diversi xuttijiet, fosthom azzjoni minnhom li San Ġiljan kellhom tliet plejers vantaġġ fl-ilma.

Ben Plumpton għamel l-iskor 3-1 minn azzjoni oħra li Sammut salva f’żewġ tentattivi, b’Christian Presciutti jnaqqas id-distakk.

It-tielet sessjoni kienet kompletament differenti hekk kif iż-żewġ naħat bdew isibu x-xibka aktar frekwenti. Paul Fava għamilhom 4-2 b’lob delizzjuż mil-lemin iżda Gabarretta naqqas id-distakk mis-centre.

Sliema rnexxielhom iġibu d-draw għal 5-5 b’żewġ gowls mill-isbaħ ta’ Michael Spiteri Staines, b’Obradovic kien skorja bejniethom. San Ġiljan ħadu vantaġġ doppju fit-tielet sessjoni permezz ta’ Matthew Zammit u Ben Plumpton u bdew l-aħħar sessjoni 8-6.

Iżda l-vantaġġ li San Ġiljan kellhom tilfuh hekk kif Sliema skorjaw darbtejn b’xuttijiet mill-isbaħ ta’ Nicholas Bugelli u Christian Presciutti. Sliema tilfu lil Kai Dowling u Michael Spiteri Staines filwaqt li tkeċċa wkoll il-kowċ Sergio Afric.

Kien time-out intelliġenti ta’ Orlovic fl-aħħar minuta li minnu Ben Plumpton skorja mix-xellug il-gowl importanti bi 38 sekonda għat-tmiem. Sliema kellhom ċans għall-aħħar attakk li minnu kien Jake Tanti kien strumentali biex salva tajjeb, b’Sliema jipprotestaw għal fawl li ma ngħatax.

San Ġiljan: J. Tanti, P. Borg (1), A. Galea, B. Grech, C. Farrugia, M. Zammit (2), B. Plumpton (3), Da. Zammit, T. Said, P. Obradovic (1), P. Fava (2), D. Ciantar, T. Micallef

Sliema: J. Sammut, J. Gabarretta (2), C. Presciutti (1), M. Mifsud, M. Meli, K. Dowling, M. Spiteri Staines (2), D. Fenech, M. Cordina (1), J. Gambin, Z. Mizzi, N. Bugelli (1), Z. Sciberras

Referees: Massimo Angileri, Andrea Zedda

BIRŻEBBUĠA FREEPORT………. 10

TA’ XBIEX AMIGOS………………… 6

(2-1), (3-2), (2-2), (3-1)

Wara t-telfa kontra Marsaxlokk, Birżebbuġa Freeport irritornaw għar-rebħ biex saħħew posthom fil-quċċata. Ir-rebħa għalihom kienet meritata hekk kif għajr l-ewwel mumenti, dejjem kienu fil-vantaġġ, b’Ta’ Xbiex ma jirnexxielhomx iwettqu reazzjoni denja biex idawru l-vantaġġ.

Doppjetta ta’ David Cutajar dawret il-vantaġġ inizjali ta’ Keith Tanti u biha Birżebbuġa rebħu l-ewwel sessjoni. Stephen Micallef skorja darbtejn fit-tieni sessjoni biex ta vantaġġ ta’ 4-1, u sal-mistrieħ kien għad kellhom vantaġġ doppju.

Nikola Dedovic daħħal lil Ta’ Xbiex fil-logħba, iżda gowls minn Sergi Mora u Simon Vassallo għamlu l-iskor 7-4, b’Dedovic jerġa’ jnaqqas id-distakk. Birżebbuġa għalqu l-logħba bi tliet gowls konsekuttivi skorjati minn Stephen Micallef, David Pace Lupi u Sergi Mora.

Birżebbuġa: D. Abela, M. Borg, N. Cassar, D. Pace Lupi (1), S. Mora (2), J. Rizzo Naudi, S. Vassallo (1), D. Cutajar (2), S. Micallef (3), M. Cutajar, K. Rizzo Naudi (1), J. Zerafa Gregory, D. Spiteri

Ta’ Xbiex: A. Theuma, R. Greco, M. Manara, L. Hyzler, B. Cachia, K. Mock, G. Blundell, N. Dedovic (3), L. Galea (1), G. Sammut, K. Tanti (1), N. Saliba (1)

Referees: Tommaso Boccia, Neville Mercieca