Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump ħareġ twissija qawwija lill-pajjiżi li huma determinati li jagħmlu l-kummerċ mal-Iran u fejn sostna li huma, f’dan il-każ, ma jistgħux jippretendu li jkunu wkoll is-sieħba kummerċjali tal-Amerikani.
It-twissija ta’ Trump intbagħtet fuq Twitter wara li l-Istati Uniti imponiet mill-ġdid is-sanzjonijiet fuq l-Iran. Uħud minn dawn is-sanzjonijiet daħlu fis-seħħ fl-aħħar sigħat waqt li oħrajn relatati għall-esportazzjoni taż-żejt se jsiru effettivi minn Novembru.
Il-President tal-Iran, Hassan Rouhani, sadanittant, fisser il-miżuri tal-Istati Uniti bħala ‘tip ta’ gwerra psikoloġika’ li, fi kliemu, huma intiżi biex jiżirgħu d-diżgwid fost l-Iranjani.
Is-sanzjonijiet qed isegwu l-irtirar tal-Istati Uniti mill-Pjan Komprensiv Konġunt għall-Azzjoni – magħruf ukoll bħala l-pjan nukleari għall-Iran – aktar kmieni din is-sena. Il-ftehim li kien sar fi żmien il-Presidenza tal-eksmexxej Amerikan, Barack Obama, kien jesiġi biex l-Iran jillimita l-attivitajiet nukleari tiegħu filwaqt li jonqsu s-sanzjonijiet imposti fuq dan l-Istat fundamentalista.
Sadanittant, Trump ikkundanna dan il-patt bħala wieħed ‘diżastruż’ meta hu jemmen li ‘mewġa ta’ pressjoni ekonomika ġdida’ għandha tgħin biex l-Iran jaqbel fir-rigward ta’ ftehim ġdid.
Iżda l-Unjoni Ewropea, li għadha impenjata favur il-ftehim oriġinali tal-Iran, tkellmet kontra s-sanzjonijiet filwaqt li impenjat ruħha biex tipproteġi lill-kumpanniji li qegħdin jagħmlu ‘negozju leġittimu’ mal-Iran.
Fl-istess ħin, Trump qed jinsisti li l-Iran għandu għażla quddiemu, ‘fejn jista’ jagħżel biex jibdel l-atteġġjament li qed jiddistabbilizza lir-reġjun u jintegra ruħu mill-ġdid fl-ekonomija globali, inkella jkompli fit-triq lejn iżolament ekonomiku’.
//= $special ?>

