Lokali

Aktar xeni ta’ nies jorqdu barra fit-triq

Raġel ieħor mixħut taħt il-kartun fil-Furjana

Xena oħra ta’ persuni reqdin barra fit-triq, din id-darba fil-Furjana.

Il-każ inġieb għall-attenzjoni tagħna kmieni dalgħodu, bir-raġel jintlemaħ fiz-zona qabel tidħol għat-testijiet tal-karozzi.

Ftit tal-jiem ilu ċifri ppubblikati mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) urew li f’Malta fl-2016 kien hawn 72,000 persuna f’riskju ta’ faqar.

Fil-ġimgħat u x-xhur li għaddew, NET News irraporta diversi stejjer reali ta’ nies li mhux biss qed jgħixu f’riskju ta’ faqar, iżda li saħansitra spiċċaw jgħixu fil-faqar u xi kultant saħansitra mingħajr saqaf fuq rashom.

Statistiċi oħra, anke mill-Eurostat, urew fix-xhur li għaddew li minkejja li l-ekonomija qed tikber, dan it-tkabbir mhux qed imur fil-bwiet tal-ħaddiema iżda minflok fil-bwiet ta’ setturi żgħar ta’ nies.

Nhar il-Ħadd waslilna r-ritratt ta’ każ ieħor fis-Swieqi fejn kien hemm raġel mixħut mal-art, rieqed fuq biċċa drapp. Persuni li tkellmu magħna qalulna li din il-ħaġa qed tiġri ta’ spiss fil-madwar ta’ fejn ittieħed ir-ritatt.