Lokali

FILMAT: Imut żiemel li kien qed jiġbed karozzin

Xeni xejn sbieħ fil-Furjana meta żiemel li kien qed iġorr karozzin, waqa’ mal-art u miet fil-post.

Skont informazzjoni li għandu NET News, iż-żiemel kellu bejn 11 u 12-il sena meta waqa’ u miet ħabta u sabta.

L-inċident seħħ għall-ħabta tas-1 ta’ waranofsinhar, jiġifieri fl-eqqel tax-xemx ta’ waranofsinhar. Madanakollu, mhux eskluż li ż-żiemel ma mietx minħabba l-qilla tax-xemx, iżda minħabba xi raġuni oħra. Filfatt, skont rapporti fil-media lokali, il-kawża tal-mewt taż-żiemel setgħet kienet attakk tal-qalb.

Fuq il-karozzin li kien qed jinġibed miż-żiemel kien hemm xi turisti, li ma weġġgħux minkejja l-mod kif il-karozzin inħasad malli ż-żiemel waqa’ u miet zoptu.

Filfatt, l-inċident seħħ fi Triq San Franġisk – it-triq li hemm viċin l-isptar Boffa u li mill-Valletta Waterfront tagħti għar-roundabout fejn hemm il-monument tal-Gwerra.

Fuq il-post minnufih marru kemm Pulizija mill-għassa tal-Belt kif ukoll uffiċjali mid-dipartiment tal-Animal Welfare. Għal xi ħin, ġurnalisti li marru fuq il-post biex jiffilmjaw, sabu reżistenza minn xi persuni biex jiffilmjaw u kellhom ikunu l-Pulizija li ħallew lill-ġurnalisti jagħmlu xogħlhom.

Sakemm dawk fuq il-post stennew il-wasla ta’ uffiċjali mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex ineħħu ż-żiemel mit-triq, għaddew diversi turisti – b’uħud minnhom jidhru mbikkma bix-xena kerha taż-żiemel mejjet mal-art u mgħotti biss bi ftit liżari.

Dan huwa t-tieni żiemel f’temp ta’ ftit jiem li kellu jmut fit-toroq Maltin, f’inċident ieħor li qanqal sejħa għal protesta li se ssir nhar is-Sibt li ġej fil-Belt Valletta bl-iskop li jintbagħat messaġġ kontra l-użu tal-karozzini.