Lokali

Il-KAŻ TAL-GĦADIRA: Ma jgħidux jekk hux se jieħdu passi kontra l-omm

Żvolta ġdida fil-każ hekk kif l-omm tgħid li mhux veru li l-każ magħluq

Il-Pulizija rrifjutat li tgħid jekk hux se tkun qed tieħu passi kontra l-omm li allegatament ivvitat storja dwar attentat ta’ ħtif u abbuż sesswali minn raġel barrani fuq binha.

Wara li jumejn ilu ġie żvelat li l-istorja kienet ivvintata mill-omm wara argument li kellha mar-raġel barrani, NET News għamel kuntatt mat-taqsima tal-media tal-Pulizija u staqsejna jekk għar-rigward ta’ dan il-każ, u fid-dawl tar-rapporti li l-istorja jidher li kienet ivvintata, il-Pulizija hux se tkun qed tieħu passi fil-konfront tal-omm.

Imma f’risposta, il-Pulizija qalet li l-investigazzjonijiet tagħhom għadhom għaddejjin u “għaldaqstant ma jkunx prudenti li wieħed jikkummenta f’dan l-istadju.”

L-ambigwità fir-risposta tal-Pulizija tagħmilha diffiċli biex wieħed jikkonkludi jekk l-investigazzjoni għadhiex għaddejja fir-rigward tar-raġel ta’ nazzjonalità barranija wara l-allegazzjonijiet tal-omm, jew inkella fir-rigward tal-omm wara li skont rapporti fil-media lokali rriżulta li vvintat l-istorja.

Kien it-Tnejn meta l-aħbarijiet tat-TVM qalu li l-istorja tal-omm ġiet imxejna peress li wara eżaminazzjoni minn tabib, mhux veru li t-tifel kellu gdim jew marki ta’ aggressjoni. Qalu wkoll li l-verżjoni tat-tifel ma qablitx mal-verżjoni tal-omm.

Imma f’kumment riċenti miktub mill-omm stess fuq Facebook, hi qalet li “l-Pulizija għadhom għaddejjin b’xogħlhom u din gidba tal-PBS li l-każ magħluq.” Hi żiedet tgħid li kkonfermat dan mal-Pulizija stess u li dawn qalulha li ma jafux kif “tal-PBS ġabu hekk.” Waqt li ċaħdet li xi tabib eżamina lit-tifel, temmet tgħid li se tħalli f’idejn il-Pulizija biex ikomplu jagħmlu xogħlhom.