Atletika Sport

Imut il-Kenjan Nicholas Bett fl-età ta’ 28 sena

L-eks champion tad-dinja tal-400 metru hurdles Nicholas Bett miet fl-età ta’ 28 sena wara inċident bil-karozza fil-Kenja. Il-ġurnali tal-lokal irrappurtaw li l-atleta miet f’Nandi Country wara li l-karozza tiegħu tilfet il-kontroll u spiċċat ġo foss.

Bett daħal fl-istorja fil-Kampjonat tad-Dinja tal-2015 f’Beijing meta sar l-ewwel Kenjan li rebaħ midalja tad-deheb f’Kampjonat tad-Dinja f’distanza iqsar minn 800 metru.

Il-Kmandant tal-Pulizija ta’ Nandi Patrick Wambani kkonferma l-mewt tiegħu. Hu qal li l-atleta ħabat ma’ ostaklu qabel tilef il-kontroll tal-karozza qrib Lessos. Bett kien fi triqtu lejn Nairobi wara li l-Kampjonati Afrikani tal-Atletika ntemmu fin-Niġerja t-Tnejn li għadda.

Aktar kmieni din is-sena hu kkompeta fil-Logħob tal-Commonwealth fl-Awstralja fejn spiċċa fit-tmien post fl-400 metru hurdles.

Fqu twitter, Athletics Kenya bagħtu l-kondoljanzi lill-familja tiegħu u l-familja kollha tal-atletika. Bett hu tewmi ma’ Haron Koech li wkoll jikkompeti fil-hurdles.